Il-Qorti Kriminali żiedet is-sentenza, li oriġinarjament tat is-sena l-oħra lil żewġ periti li nstabu ħatja bil-kaġun tal-qtil ta' Miriam Pace. Filwaqt li s-sena l-oħra kull wieħed kien mitlub jagħmel servizz fil-komunità u jħallsu multa, issa ġew mogħtija wkoll sentenza ta' ħabs sospiża.
L-omm kienet mietet midruma fil-ġebel ta' darha stess ġewwa Santa Venera, li kienet waqgħet f'Marzu tal-2020, kaġun ta' kostruzzjoni li kienet qed issir fis-sit ta' maġenba.
Is-sena l-oħra, il-periti Roderick Camilleri mir-Rabat u Anthony Mangion mill-Gżira kienu nstabu ħatja li kkawżaw ħsara f'binjiet tal-ġirien. Camilleri kien ukoll akkużat u misjub ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet tat lil Camilleri sentenza ta' 480 siegħa ta' servizz fil-komunità flimkien ma' multa ta €10,000 filwaqt li lil Mangion tatu sentenza ta' 400 siegħa ta' servizz fil-komunità flimkien ma' multa ta' €8,000.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali eventwalment kien ressaq appell fuq din is-sentenza, li twassalna għad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti kmieni illum.
Kien l-imħallef Aaron Bugeja li rrevoka l-multa ta’ €10,000 fil-każ tal-perit Roderick Camilleri u impona minflok sentenza ta' sentejn ħabs, sospiżi. L-480 siegħa f'servizz fil-komunità ġew ikkonfermati wkoll fl-appell.
Fil-każ tal-perit Anthony Mangion, il-Qorti kienet tatu liberazzjoni dwar l-akkuża li kien nieqes mis-sit fejn kienu qed isiru xogħlijiet iżda llum nstab ħati fuq din l-akkuża wkoll u l-istess bħal Camilleri ngħata sentejn ħabs sospiżi minflok €8,000 multa. Is-servizz fil-komunità ta' 400 siegħa wkoll ġew ikkonfermati.