Misjuba ħatja għall-qtil ta' Miriam Pace; Il-periti ordnati jħallsu multa u jagħmlu xogħol fil-komunità

Miriam Pace, ta' 54 sena spiċċat mirduma taħt dik li kienet id-dar tagħha

Iż-żewġ periti akkużati bil-qtil involontarju ta' Miriam Pace, instabu ħatja ta' qtil involontarju u ġew ordnati jagħmlu xogħol fil-komunità u anke ordnati jħallsu multa.

Id-deċiżjoni u s-sentenza ngħataw dalgħodu.

Roderick Camilleri, il-perit tal-proġett li għandu 37 sena u s-Site Technical Officer, Anthony Mangion ta' 73 sena, kienu tressqu l-Qorti wara li xogħlijiet li kienu qed isiru biswit id-dar tal-familja Pace, kkawżaw il-kollass tal-istess dar, b'Miriam Pace, ta' 54 sena, tispiċċa mirduma u misjuba mejta wara sigħat.

Il-każ seħħ f'Marzu 2020.

Iż-żewġ periti kienu akkużati wkoll li għamlu dikjarazzjoni falza quddiem l-awtoritajiet. Wieħed mill-periti kien akkużat ukoll li ma kienx fuq il-post tal-kostruzzjoni waqt li kienu qed isiru xogħlijiet perikolużi.

Il-periti nstabu ħatja li kkawżaw il-mewt ta' Pace minħabba negliġenza.

Camilleri ngħata sentenza ta' 480 siegħa xogħol fil-komunità u ordnat iħallas multa ta' €10,000.

Mangion ngħata sentenza ta' 400 siegħa xogħol fil-komunità u multa ta' €8,000.

More in Politika