Il-klabbs tal-Premier League ħatru lill-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat bħala Chairman tal-Malta Professional Football Clubs Association (MPFCA). Dan qaluh fi stqarrija llejla illi fiha ħabbru li dan il-vot għadda b'sebgħa voti favur, erbgħa kontra u tliet astensjonijiet. Dan il-vot kien wieħed sigriet u r-riżultat kien aċċettat mill-clubs kollha.
Muscat se jkun qed imexxi l-MPFCA biex jigu implimentati riformi li se jwasslu biex tigi ffurmata organizazzjoni li tmexxi l-Premier League b' mod separat mill-Malta Football Association (MFA), bi ftehim mal-MFA, skont l-istess strategija tal-MFA
Fi stqarrija l-MPFCA qalet illi se jiddaħħlu bidliet biex il-Premier League isir aktar professjonali u sostenibbli, jattira aktar nies bħala spettaturi fl-istadiums u fuq it-televizjoni, ikun hemm aktar solidarjeta' u investiment fil-players żgħażagħ, ikun hemm aktar involviment ta' nisa fit-tmexxija, u biex il-clubs Maltin isiru aktar kompetittivi fuq livell Ewropew.
Joseph Muscat se jibda jmexxi dan il-proċess ta' bidla, bid-diskussjonijiet mal-MFA jibdew fil-futur qrib.
'Se nħalli l-ħidma u r-riżultati jitkellmu' - Muscat
Fl-ewwel kummenti tiegħu Muscat sostna illi f'ħafna fażijiet differenti f'ħajtu, meta kien jitkellem dwar pjanijiet kien jiġi milqugħ b'xettiċiżmu. "Hawn ukoll bħalma għamilt dejjem, anki f'dan ir-rwol volontarju ġdid tiegħi, se naħdem bla heda u se nħalli l-ħidma u r-riżultati jitkellmu bil-fatti," temm jgħid Muscat f'messaġġ li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook.