Rapporti jindikaw li Schembri se jitressaq il-qorti fuq l-impjieg fantażma mogħti lil Melvin Theuma

Skont l-istess rapporti, ma' Schembri se jitressqu ħames persuni oħra fosthom Yorgen Fenech u anke Sandro Craus

Rapporti qed jgħidu li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u anke Yorgen Fenech mistennija jitressqu l-Qorti, flimkien ma’ tliet persuni oħra akkużati b’serq minħabba l-impjieg fantażma li kien ingħata Melvin Theuma.

Skont sorsi differenti, Schembri u anke Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mistennija jiffaċjaw akkużi ta’ miżaproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Magħhom, f’Settembru, mistenni jitressaq ukoll Sandro Craus, eks Kap tal-Customer Care ta’ Kastilja, Anthony Mario Ellul, eks Segretarju Privat fil-Ministeru għall-Familja u Anthony Muscat, eks Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-Gvern.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija qalet li diversi persuni mistennija jitresaqu l-Qorti wara li ngħalqet inkjesta maġisterjali u investigazzjoni mill-iskwadra kontra l-ħasil tal-flus. Anke jekk qalet li se jitressqu ħames persuni, ma tatx dettalji ta’ min huma. Kien Net News li rrapporta l-ismijiet aktar kmieni llum.

Il-każ idur madwar impjieg ‘fantażma’ li ingħata lil Melvin Theuma, jiġifieri l-intermedjarju fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Theuma huwa x-xhud ewlieni kontra Yorgen Fenech anke minħabba recordings li għandu tad-diskursati ta’ bejniethom.

L-intermedjarju, li ngħata l-Maħfra Presidenzjali, kien ingħata xogħol mal-Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd, kumpanija tal-istat, ħames xhur qabel seħħ l-assassinju.

Theuma li kien żar u ħa ritratt ma’ Keith Schembri f’Kastilja, kien qal fil-Qorti li ngħata l-impjieg mill-eks Chief of Staff u minn Cruas. Kien xehed li tħallas kull xahar minkejja li qatt ma mar għax-xogħol.

Aqra wkoll:

More in Politika