Tgerfixa tal-AĠ twassal biex l-Avukati ta' Fenech ma jinstabux ħatja li pprovaw ixaħħmu ġurnalist

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kkwota artiklu ħażin fil-liġi u kien dan li wassal biex il-Qorti ma jkollha l-ebda triq oħra ħlief li teħles liż-żewġ akkużati minn kull akkuża

L-Avukati ta' Yorgen Fenech inħelsu minn kull akkuża b'rabta mal-każ li fih kienu qed ikunu akkużati li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegat kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali naqas meta ġie biex jiddefinixxi b'mod ċar l-akkuża ta' tixħim.

Skont il-ġurnalist Ivan Martin wara laqgħa mat-tim legali ta' Yorgen Fenech, li saret f'Novembru 2020, l-Avukat Gianluca Caruana Curran tah pakkett bi flus kontanti tal-€500. L-Avukat stess kien ammetta li għaddha dawn il-flus imma kien qal li għamel dan għax ħaseb li hija prassi normali ġaladarba talbu l-għajnuna tal-ġurnalist.

Fi kliem sempliċi, il-Maġistrat spjegat kif minkejja li ż-żewġ Avukati, Caruana Curran u anke Charles Mercieca kienu ġew akkużati b'tixħim attiv, aktar tard fil-proċedura, l-Avukat Ġenerali kkwota parti oħra mill-Kodiċi Kriminali dwar tixħim passiv, li f'dan il-każ ma jirriżultax.

Dan ifisser li minkejja li l-Avukati tressqu l-Qorti akkużati b'akkuża partikolari, aktar tard fil-proċedura, l-Avukat Ġenerali spiċċa kkwota artiklu ieħor tal-liġi li biddel l-akkuża oriġinali. 

Fis-sentenza, il-Qorti qalet li l-fatti fil-każ juri b'mod ċar li l-akkużi kellhom ikunu dawk ta' tixħim attiv iżda l-Avukat Ġenerali spiċċa kkwota artiklu ieħor li jikkonċerna tixħim passiv fis-settur privat. 

Għalhekk, minħabba din it-tgerfixa bejn tixħim attiv u tixħim passiv (li l-Qorti tagħmilha ċara li f'dan il-każ ma jidħolx), ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tiddikjara liż-żewġ Avukati mhux ħatja.

Is-sentenza tirrikonoxxi li l-ġurnalist irrifjuta kull offerta ta' flus tant li l-Prosekuzzjoni fl-ebda ħin ma kellha l-intenzjoni li tressaq lil Martin u takkużah li xxaħħam. 

L-avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell kienu l-avukati difensuri.

Aqra wkoll:

'Dawn mhumiex żbalji' - Repubblika ssejjaħ mill-ġdid għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali

More in Politika