Avviż Legali Belt Valletta: 'Il-PL waqqaf lid-Deputati tiegħu milli jesprimu ruħhom... din mossa perikoluża'

Saviour Balzan jiddeskrivi bħala mossa perikoluża dik illi l-PL ma ħalliex lid-Deputati tiegħu tal-Ewwel Distrett iwieġbu mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar l-Avviż Legali u minflok wieġeb għalihom hu...

Saviour Balzan
Saviour Balzan

Saviour Balzan, Direttur Maniġerjali ta' Mediatoday, iddeskriva l-fatt li l-Partit Laburista ma ppermettiex lid-Deputati tiegħu tal-Ewwel Distrett biex jagħtu l-opinjoni personali tagħhom dwar l-Avviż Legali li jitratta mużika fil-Belt Valletta bħala "mossa perikoluża." 

Huwa kien qed jirreferi għal storja esklussiva li dehret fuq il-gazzetta ILLUM il-Ħadd li għadda u li talbet l-opinjoni tal-ħames Deputati Laburisti fuq l-Ewwel Distrett dwar dan l-avviż legali li qed iqajjem oppożizzjoni mir-residenti, mill-Kunsilliera tal-PN u mill-Oppożizzjoni - li fil-fatt ressqet mozzjoni biex dan l-avviż jiġi rrevokat. Dan l-avviż - li ddaħħal mingħajr ebda konsultazzjoni - estenda s-sigħat li matulhom tista' tindaqq mużika fuq barra sas-1:00 a.m sakemm din tkun 'mużika moderata.' Dawk li qed jopponu dan l-avviż legali jfakkru li xejn mhu qed jistipola x'inhi "mużika moderata." 

Balzan, fl-artiklu tiegħu li deher fuq il-gazzetta oħt Maltatoday saħaq illi l-istorja li dehret fuq l-ILLUM tikxef żewġ realtajiet: L-ewwelnett "li l-Partit Laburista ma jafdax lill-Membri Parlamentari tiegħu biex iwieġbu l-mistoqsijiet u minflok iwieġeb għalihom hu." Balzan qal illi dan sar minkejja li l-Partit Laburista jaf li hemm Deputati tiegħu li huma kontra din l-estensjoni, "u għalhekk jaqbad u jgħalqilhom ħalqhom... din hija mhux biss mossa li tqabbdek id-dwejjaq imma waħda perikoluża wkoll." 

Huwa kompla jgħid illi filwaqt li jagħmel sens li f'partit jkun hemm koeżjoni, "li twaqqaf jew tinnewtralizza uffiċjali eletti tkun tfisser li qed tneħħi d-dinjità tagħhom."

Balzan qal ukoll illi l-estensjoni li ħabbar il-Gvern tmur kontra l-kunċett kollu tal-Belt Valletta bħala destinazzjoni alternattiva għal-lejl barra.

More in Politika