Il-PN mħasseb dwar żidiet fil-ġwież... jitlob lil Gvern jintervjeni biex ma jbatux r-raħal u l-konsumatur

Fl-aħħar xhur, affarijiet essenzjali bħall-ġwież u magħlef għat-trobbija tal-annimali li jtuna prodotti li nikkunsmaw għolew drastikament fil-prezz

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta' stqarrija, appella għal intervent mill-Gvern rigward żidiet fil-prezz tal-ġwież. Skont il-PN dan għandu jsir illum qabel għada sabiex "tassew ikun protett il-prodott lokali filwaqt li jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq ir-raħħala u l-konsumaturi."

Il-partit qal li innota kif żidiet fil-prezzijiet imħabbra mill-MDP għall-prodotti tal-ħalib jirriflettu ż-żidiet sproporzjonati li qed jesperjenzaw ir-raħħala Maltin. Fl-aħħar xhur, affarijiet essenzjali bħall-ġwież u magħlef għat-trobbija tal-annimali li jtuna prodotti li nikkunsmaw għolew drastikament fil-prezz. 

Dan hekk kif numru ta' individwi li jaħdmu f'dan il-qasam raw żidiet fil-prezzijiet ta' prodotti impurtati minn barra, bħal magħlef u ġwież, b'medja ta' 50%. Dan ifisser aktar akbar fuq ir-raħħala.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li lanqas hu ġust li l-konsumatur jerfa' dan il-piż sproporzjonat, aktar u aktar bil-morsa tal-għoli tal-ħajja li qed tagħfas fuq il-familji Maltin.

"Hu għalhekk kruċjali li l-Gvern jgħin f'din is-sitwazzjoni u jerfa' parti mill-piż hu. Kien ikun aktar għaqli li kieku l-Gvern daħal fi ftehim ghall-prezz tax-xiri ta’ ġwież u magħlef stabbli minn barra l-pajjiż," saħaq il-PN.

Ladarba l-Gvern għadu ma daħalx fl-ebda ftehim mar-raħħala, il-PN jappellalu biex jintervjeni billi jagħmel tajjeb mil-lum 'il quddiem ħalli r-raħħala flimkien mal-konsumaturi Maltin u Għawdxin ma jispiċċawx ikollhom "jagħmlu tajjeb huma għan-nuqqasijiet tal-Gvern."

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li huwa jibqa' mħasseb li dawn iż-żidiet, minbarra li se jkomplu jgħakksu finanzjarjament lir-raħħala u lill-konsumaturi, se jkunu qed ikomplu jxekklu l-kompettitività tal-prodott Malti, li diġà jinsab mhedded minn prodotti impurtati minn barra minn Malta.

More in Politika