'Il-ħajja militari mhix faċli iżda l-fatt li taqdi lil pajjiżek huwa ta' sodisfazzjon kbir'

Il-Ministru Byron Camilleri jilqa' s-67 membru ġdid tal-Forzi Armati u jfakkar fir-responsabilità tal-irwol tagħhom biex jassiguraw 'is-sigurtà u l-integrità ta' pajjiżna' 

F’diskors waqt il-passing out parade għal 67 membru ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ta merħba u awgura lill-membri l-ġodda u qal saħaq li l-ħajja militari mhix faċli iżda l-fatt li wieħed għandu l-unur li jaqdi lil pajjiżu u jġorr bi kburija l-ilwien Maltin, huwa ċertament ta’ sodisfazzjon kbir. “Għożżu l-ħin li qattajtu bħala grupp wieħed. Ftakru fis-sagrifiċċji, fit-tbatijiet u minn xi waqtiet diżappunti, biex ġranet ta’ sodisfazzjon bħal tal-lum tapprezzawhom ferm aktar,” appella l-ministru.

Intake 212 beda t-taħriġ fid-29 ta’ Novembru 2021 u l-grupp fil-bidu kien magħmul minn 94 rekluta. Ir-rekluti kienu esposti għall-ħajja militari u tħarrġu f’diversi aspetti bħat-taħriġ fiżiku, taħriġ fl-użu tal-armi, id-drill u suġġetti militari oħrajn. Wara dan it-taħriġ imsemmi, 67 rekluta (minnhom 4 nisa u 4 Għawdxin) temmew it-taħriġ b’suċċess.

Fl-aħħar, Camilleri fakkar fir-responsabbiltà li l-membri tal-Armata issa daħlu għaliha. “Intom mhux biss tridu tassiguraw is-sigurtà u l-integrità intata ta’ pajjiżna, iżda tridu taraw li f’kull ħaġa li tagħmlu, tirrispettaw u taħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. L-irwol ta’ membru tal-Forzi Armati huwa rwol li n-nies iħarsu lejh b’rispett, kif għandu jkun, issa jiddependi minnkom li taraw li dan ir-rispett ikun reċiproku”.

Preżenti għall-passing out parade kien hemm ukoll il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jeffrey Curmi.

More in Politika