Il-Pulizija ma sabet l-ebda evidenza li torbot lil Keith Schembri mal-qtil ta' Caruana Galizia

Is-Supretendent Keith Arnaud qal li apparti l-istqarrija ta' Yorgen Fenech, il-Pulizija ma sabet l-ebda evidenza oħra li torbot lil Keith Schembri mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Is-Supretendent Keith Arnaud saħaq li Keith Schembri qatt ma tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għax il-Pulizija ma sabet l-ebda evidenza dwar dan, ħlief id-dikjarazzjoni li għamel Yorgen Fenech meta kien arrestat.

Arnaud kien qed jixhed f'każ ċivili għad-danni miftuħ mill-familja Caruana Galizia kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, Vince Muscat, Alfred Degiorgio, George Degiorgio, Robert Agius u Jamie Vella. Id-danni mitluba jmissu l-€5 miljun.

Minn dawn il-persuni kollha, sa issa huwa Vince Muscat biss li ammetta u li ngħata sentenza ta' ħabs. 

Arnaud ittella' jixhed mill-familja dwar l-investigazzjonijiet li huwa mexxa u li wasslu għall-arrest tal-irġiel imsemmija. Meta kien qed ikun mistoqsi mill-Avukata Anna Mallia, Arnaud saħaq li meta kien qed ikun interrogat, Theuma kien implika lil Keith Schembri bħala l-mandant.

Huwa qal li Fenech ammetta li ħallas għall-qtil imma fuq struzzjonijiet tal-eks Chief of Staff.

Mistoqsi għaliex qatt ma kien hemm akkużi kontra Schembri, Arnaud insista li huma investigaw u saħansitra arrestaw lil Schembri iżda apparti d-dikjarazzjoni ta' Fenech, ma sabu l-ebda evidenza oħra.

Fenech semma wkoll lil Chris Cardona u kien qal li l-eks Ministru ammetta miegħu li kien involut fil-qtil.

Arnaud qal li lanqas dwar dan ma sabu l-ebda evidenza.

More in Politika