Illum jibda jkun deċiż il-futur tal-PN u ta' Grech; Il-votazzjoni għall-Kap tibda lleja

B'kollox huma 1,500 persuna dawk eliġibbli biex jivvotaw

Illejla se tiftaħ il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, illum se tkun qed issir l-elezzjoni bikrija bejn il-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali u bejn il-5pm u t-8pm fis-Sub Headquarters f'Ta' Sannat Għawdex.

Il-votazzjoni tissokta l-Ġimgħa 27 ta' Mejju fl-istess ħin u s-Sibt bejn it-8am u l-5pm fid-Dar Ċentrali u bejn it-8am u t-3pm f'Ta' Sannat.

B'kollox huma 1,500 persuna dawk eliġibbli biex jivvotaw f'din l-elezzjoni. Dawn huma membri tal-Kunsill Ġenerali, li jinkludu l-membri tal-Kumitati Sezzjonali u anke l-fergħat tal-partit.

Fuq il-karta tal-vot hemm biss isem Bernard Grech li kien l-uniku persuna li wriet interess f'din l-elezzjoni li riedet issir bilfors ġaladarba l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali.

Peress li ma kienx hemm aktar minn kandidat wieħed, il-votazzjoni ma tmurx quddiem it-tesserati.

Dakinhar li l-PN tilef l-elezzjoni, Grech mill-ewwel saħaq li qed jitlob "mandat b'saħħtu" biex ikompi jmexxi l-PN.

Minn ftit wara, Grech beda jkun aktar ċar u skjett fi kliemu fejn, fost oħrajn, tkellem fil-beraħ dwar il-problema tad-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista u għal aktar minn darba saħaq li hemm deċiżjonijiet diffiċli li jridu jittieħdu.

Aqra wkoll l-editorjal tal-gazzetta ILLUM dwar is-sitazzjoni tal-PN u l-elezzjoni għall-Kap.

More in Politika