Il-midja tal-PN: Madwar €21 miljun f'dejn... Il-PN jagħmel tajjeb għal €14-il miljun minnhom

Il-kumpanija tal-midja qed tkun l-akbar toqol fuq il-PN b'madwar €7 miljuni f'dejn u telf/dejn akkumulat ta' ftit aktar minn €14-il miljun li għamel tajjeb għalihom il-PN u li l-kumpanija mhix se tħallas lura (bad debts)

Il-kumpanija tal-midja tal-PN, MediaLink - għandha madwar €7 miljuni f'dejn - ikkonferma sors mill-PN stess mal-illum.com.mt. Dan apparti madwar €14.3 miljun dejn akkumulat matul is-snin mill-PN fi flus li għadda lil din l-istess kumpanija sussidjarja li huwa ċar illi qed tkun l-akbar problema finanzjarja tal-partit. Fil-fatt l-istess sorsi sostnew illi kieku l-PN ma għandux dawn il-kumpaniji, fil-fatt ikun f'qagħda finanzjarja ħafna aħjar. 

Tajjeb wieħed jinnota li dawn l-€14-il miljun f'akkumulu ta' djun/telf ikopru sal-2019, sa meta allura kienu ġew ippubblikati lkontijiet tal-PN.

Ħarsa lejn l-istess ċifri maħruġin mill-PN stess juru illi fl-2019, il-partit dak iż-żmien immexxi minn Adrian Delia, kien għamel defiċit ta' €607,279, kellu €9.8 miljun fi djun u pagamenti dovuti - li jinkludu wkoll dejn mal-Gvern f'termini ta' VAT, bolla u anke kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan filwaqt illi fl-istess sena l-Medialink għamlet telf ta' kważi miljun - jew €919,965 u kellha telf u dejn akkumulat ta' €14.3 miljuni. 

Dan ifisser illi d-dejn tal-PN fl-2019 kien ta' €24.1 miljun, viċin ħafna fil-fatt ta' kemm kien żvela mal-midja l-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo lura f'Lulju 2020 (u allura meta kien qed iħares lejn id-djun tal-2019) meta kien qal li d-djun tal-PN huma ta' "madwar €20 miljun." 
Dan filwaqt li fl-istess sena l-PN għamel telf ta' €1.5 miljun, l-aktar mill-midja li jmexxi. 

Fl-2017 il-PN kien għamel defiċit ħafna ikbar  - €984,191 - filwaqt li t-telf annwali ta' Medialink kien astronomiku, hekk kif kien ġie viċin iż-€2 miljuni, jew €1,976,492. Id-dejn totali wkoll kien ta' ftit aktar minn €22 miljun. 

Fl-2018 - l-ewwel sena sħiħa tat-tmexxija ta' Delia - it-telf u d-defiċit naqsu, b'dan tal-aħħar jinżel għal €705,985 u t-telf tal-Medialink jinżel għal €1.177 miljun. Id-dejn tal-PN matul din is-sena kien ta' €23.1 miljun, żieda ta' madwar miljun mis-sena ta' qabel. 

Dan kollu jrid jitqies fid-dawl tal-iskema taċ-Cedoli. Lura fl-2016 il-PN kien fetaħ skema, li kienet ikkritikata minn bosta, illi permezz tagħha persuni jinvestu fil-PN u wara 10 snin jieħdu lura l-kapital bl-interessi. Biss, biss sal-2017 kien irrappurtat illi minn din l-iskema kienu diġa' ġew investiti €3.5 miljun, b'Robert Arrigo mbagħad fl-2020 jisħaq li f'temp ta' ftit jiem kienu saru madwar 100 kuntratt taċ-Ċedoli li jlaħħqu madwar €1 miljun waħedhom. L-akbar kritika kienet dwar il-kunfidenzjalità ta' dawk illi jagħtu flus lill-PN permezz ta' din l-iskema. 
Dan ifisser li fl-2026 il-PN irid jibda jħallas dawn il-flus lura lil dawn l-attivisti u donaturi. 

Il-PN jikkjarifika li d-dejn baqa' stabbli

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stess illum fuq The Sunday Times reġa' ikkonferma li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN tant hi ħażina li lanqas biss jaffordja jħallas uffiċjal biex imexxi l-Elcom.

Minkejja dan, f'reazzjoni għal storja li dehret dalgħodu fuq il-gazzetta ILLUM il-PN qed jisħaq li d-dejn baqa' stabbli, jiġifieri madwar €32 miljun u mhux li żdied bi €8 miljuni, kif ikkwotat fil-gazzetta ILLUM. Il-PN saħaq ukoll li d-dejn ta' €24 miljun fl-2019 ikopri l-partit biss u mhux il-kumpaniji sussiddjarji tiegħu u allura li d-dejn baqa' stabbli u dejjem madwar €32 miljun. 

Il-midja tal-PL ukoll bid-dejn...

Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista għadu ma ppubblikax il-kontijiet finanzjarji, għalkemm kienet din il-gazzetta wkoll li żvelat kif il-midja tal-PL għandha dejn ta' miljuni, li mhuwiex wisq 'il bogħod mill-€10 miljuni. 

Iċ-Chairman tal-One Productions Jason Micallef ma kienx ċaħad l-eżistenza tad-dejn għalkemm sostna illi l-kumpanija fi qbil ta' ħlas lura mad-dipartimenti u entitajiet kollha tal-Gvern li għalihom huma dovuti dawn il-flus. 

 

More in Politika