Il-PL u l-midja tiegħu wkoll għandhom miljuni fi djun mal-Gvern f'bolla, VAT u kontijet

  • Fl-aħħar tal-2021 daħal fi ftehim biex jibda jħallas dan id-dejn f'VAT, bolla u kontijiet 
  • Jason Micallef mhux mistenni jibqa' jmexxi l-ONE imma jiċħad li ntalab jagħmel dan minn Robert Abela
  • B'kollox il-PN u l-PL għandhom €20 miljun x'jagħtu f'bolo, VAT u taxxa

Il-PL għandu miljunidejn mal-Gvern - i#da mhux ma' kumpaniji privati
Il-PL għandu miljunidejn mal-Gvern - i#da mhux ma' kumpaniji privati

Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista qalu ma' din il-gazzetta illi l-midja tal-Partit Laburista għandha miljuni f'dejn, dejn li jgħidu illi huwa viċin l-€10 miljuni. Xi ħaġa iżda li ċ-Chairman tal-ONE Jason Micallef jiċħad, għalkemm ma jiċħadx li l-istess entità għandha miljuni f'dejn u li fil-fatt dan huwa mal-Gvern biss, mhux ma' kumpaniji privati. Jgħid ukoll li hemm ftehim ma' diversi entitajiet biex dan jitħallas lura. 

Fil-fatt is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi d-dejn jqarreb l-€10 miljuni, għalkemm ikkonfermaw ukoll li dan mhuwiex ma' kumpaniji privati iżda mal-Gvern. 

Fil-fatt il-biċċa l-kbira tad-dejn huwa fi ħlasijiet lura ta' VAT, bolla u anke kontijiet tad-dawl u l-ilma, xi ħaġa li kienet irrapportat dwarha l-gazzetta Maltatoday ftit żmien ilu meta żvelat illi l-ONE Productions għandha €1.25 miljun xi tħallas f'dawl u ilma, filwaqt li MediaLink kellha djun li jlaħħqu t-€3.5 miljuni. 

Jirriżulta skont dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta illi snin ilu kien sar ftehim li ma kienx onorat, iżda fl-aħħar tas-sena l-oħra ntlaħaq ftehim ieħor li permezz tiegħu bdew il-ħlasijiet li kienu b'lura lill-Gvern. 
Il-midja Laburista mhijiex waħedha f'dan it-tip ta' dejn hekk kif il-gazzetta ILLUM kienet żvelat ukoll lura fi Frar tal-2022 illi l-Partit

Nazzjonalista kellu €12-il miljun xi jħallas f'bolol, VAT u anke kontijiet lill-kumpanija ARMS. 

Dan ifisser illi l-partiti bejniethom - hekk kif is-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN baqgħet waħda pjuttost prekarja - għandhom jagħtu madwar €20 miljun lill-Gvern f'VAT, bolla u kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Jason Micallef mhux mistenni jibqa' jmexxi l-ONE

Intant iċ-Chairman preżenti tal-ONE Jason Micallef mhux mistenni jibqa' jmexxi l-midja tal-Partit Laburista għalkemm ikkuntattjat minn din il-gazzetta ċaħad b'mod kategoriku illi huwa intalab jirreżenja mill-Prim Ministru Robert Abela. 
Hu ma riedx jikkumenta dwar pjanijiet għall-futur tiegħu fil-kariga li issa ilu jokkupa għal snin, għalkemm dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li huwa mistenni jħalli postu mill-midja tal-PL u jokkupa kariga differenti. 
Id-dejn fil-PN

Id-dejn fil-partiti kien is-suġġett ta' diversi artikli u diskussjoni fil-midja bil-Kap tal-PN Bernard Grech saħansitra jammetti ġimgħa ilu illi l-PN għandu €32 miljun dejn, xi ħaġa li kemm il-Maltatoday u anke l-ILLUM kienet ilha li rrappurtat. Ftit ġimgħat ilu din il-gazzetta rrappurtat ukoll kif f'Awwissu li għadda d-Dipartiment tal-VAT kien bagħat ittra li fiha wissa lill-uffiċjali tal-PN biex jibdew iħallsu, liema twissija donnha mietet fuq ruħ ommha. 

Fi Frar tal-2020 l-ILLUM kienet irrappurtat ukoll kif il-midja tal-PN kienet qed tagħmel madwar miljun ewro telf fis-sena. 

 

More in Politika