Il-Membri tal-Oppożizzjoni fuq il-PAC se jitolbu li tkompli l-investigazzjoni dwar il-kuntratt tal-Electrogas

Il-proġett tal-Electrogas kien spiċċa f'kontroversja wara illi direttur tal-istess proġett - Yorgen Fenech - kien akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

F’laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret it-Tlieta filgħaxija, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qabel u ddeċieda li fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) il-membri tal-Oppożizzjoni se jkunu qed jipproponu li tissokta l-investigazzjoni dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali msejjaħ 'Investigazzjoni fi kwistjonijiet li jirrelataw mal-kuntratti mogħtija lill-ElectroGas Malta Ltd mill-Korporazzjoni Enemalta.'

Din l-investigazzjoni rriżultat f'diversi laqgħat jaħarqu u battibekki bejn l-eks Minstru Konrad Mizzi u l-eks Chairperson ta' dan il-Kumitat Beppe Fenech Adami, b'ta l-ewwel jirrifjuta li jwieġeb numru ta mistoqsijiet li baqa' jsostni li ma kinux marbutin mas-suġġett innifsu. Mizzi fil-fatt, minkejja li kien mgħajjat diversi drabi ma attendiex minħabba diversi raġunijiet. 

Id-deputati nazzjonalisti fuq dan il-kumitat kienu talbu diversi voti ta' kundanna kontra Mizzi minħabba li ma attendiex u li ma bediex iwieġeb, bid-deputati tal-Gvern iżda ma jivvutawx ma' dawk tal-Oppożizzjoni. Kienet inħolqot ukoll kontroversja dwar it-tul tad-diskors li għamel Mizzi - u li spiċċa estenda għal aktar minn żewġ laqgħat -  illi fih tkellem dwar il-proġett, li kien sar meta hu kien Ministru tal-Enerġija. 

Il-membri nazzjonalisti tal-Kumitat Parlamentari Darren Carabott bħala Chairperson, David Agius u Graham Bencini se jkunu qed jitolbu biex din l-investigazzjoni tissokta mal-ewwel opportunitá.

Il-proġett tal-Electrogas kien spiċċa f'kontroversja wara illi direttur tal-istess proġett - Yorgen Fenech - kien akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, li fil-fatt kienet irċeviet numru kbir ta' imejls li jappartjenu din il-kumpanija mhux wisq żmien qabel ġiet assassinata. Il-proġett kien ukoll f'kontroversja hekk kif saru akkużi ta' flus deħlin f'17 Black - ta' Fenech - mill-aġent tat-tanker tal-gass sorġut mal-istess Power Station. L-istess Fenech kien irċieva wkoll aktar minn $1 miljun mingħand raġel li jaħdem bħala membru tas-sigurtà fl-Ażerjbajġan, bl-isem Rufat Baratzada. 

More in Politika