FKNK għadhom qed jiddiskutu d-destin ta' Lino Farrugia wara 'l-attakk fiżiku' waqt laqgħa tal-Ornis

Filwaqt li d-deċiżjoni qed tiġi diskussa internament, huwa mifhum li Farrugia ma tax ir-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv tal-FKNK

Il-President tal-lobby tal-kaċċa f'Malta, Lucas Micallef qal li l-FKNK għadha qed tiddiskuti d-destin tal-Kap Eżekuttiv tagħha, Lino Farrugia, wara l-inċident li seħħ waqt laqgħa tal-Ornis.

Waqt il-laqgħa li saret nhar l-Erbgħa filgħaxija, Farrugia, allegatament, aggredixxa lill-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit Richard Lia f’argument waqt il-laqgħa tal-Kumitat Ornis li kellha tkun post għad-djalogu fuq l-emendi legali għal-liġijiet tal-kaċċa u l-insib.

Dakinhar stess, Farrugia ssospenda ruħu mill-Kumitat Ornis, korp konsultattiv li jinkludi wkoll lil BirdLife Malta.

“Għadna qed nitkellmu, internament,” qal Micallef lill-ġurnalisti f’attività tal-Jum Dinji għall-Migrazzjoni tal-Għasafar fil-Mellieħa, fejn l-FKNK ħelset għexieren ta’ gamiem fis-selvaġġ.

Huwa mifhum li Farrugia ma tax ir-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv tal-FKNK.

“Għamilna l-apoloġija tagħna lil Richard Lia, li qal ukoll li jistenna bil-ħerqa li jkompli jaħdem u ma jħallix li dan l-inċident itappan ix-xogħol li qed nagħmlu. Ilkoll bnedmin wara kollox,” qal Micallef.

More in Politika