Il-Kap tal-FKNK jissospendi lilu nnifsu mill-Ornis wara 'attakk fiżiku' fuq membru tal-Kumitat

L-FKNK qed tisħaq li ma kien hemm l-ebda attakk fiżiku u li se tkun qed tiddiskuti internament dan l-inċident

Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) Lino Farrugia ssospenda lilu nnifsu mill-Kumitat ORNIS wara li allegatament attakka fiżikament lil Richard Lia li jmexxi lil Wild Birds Regulations Unit.

Dan l-inċident, allegatament seħħ waqt laqgħa li saret ilbieraħ. Fuq Facebook, l-FKNK qalet li tittama li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva ġusta.

Fi kliem l-FKNK, argument żgħir ġie interpretat bħala attakk fiżiku. Il-Federazzjoni talbet skuża lil Lia “jekk dan ħassu b’xi mod imdejjaq għal li ġara” u qalet li l-kwistjoni se tkun diskussa internament.

Il-laqgħa tal-bieraħ kienet qed tiddiskuti bidliet legali fir-regoli dwar il-bird ringing.

BirdLife Malta , li wkoll membru tal-Kumitat, irrapportat dan l-attakk fi stqarrija li fiha esprimiet “ix-xokk” tagħha għal dak li sejħitlu bħala “attitudni aggressiva” min-naħa ta’ Farrugia.

L-inċident wassal biex il-laqgħa tkun sospiża.

More in Politika