'5,000 student u studenta ma għandhomx laptop biex jaċċessaw l-edukazzjoni tagħhom’

Il-gazzetta ILLUM tkompli titkellem mal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca dwar ix-xogħol li twettaq il-Malta Trust Foundation biex tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Tisħaq li d-distakk diġitali huwa realtà wkoll anke f'Malta

5,000 tifel u tifla mxerrda madwar Malta u Għawdex jew ma għandhomx biżżejjed tagħmir teknoloġiku jew inkella saħansitra ma għandhom xejn, lanqas laptop. Dan irriżulta minn studju li talbet il-Malta Trust Foundation bil-għan li tkun tista’ taħdem fuq proġett li jnaqqas dak imsejjaħ bħala gap diġitali bejn it-tfal Maltin.

Wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, dwar proġett tal-Malta Trust Foundation biex toffri tagħmir teknoloġiku lil tfal li diffiċli jikkomunikaw, għax nieqsa mid-dawl jew inkella għax jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu, din il-ġimgħa kompliet titkellem magħha dwar diversi proġetti oħra li l-istess Fondazzjoni taħdem fuqhom.

Fil-fatt, dan huwa l-għan tal-Malta Trust Foundation, li Coleiro Preca waqqfet fl-2015, jiġifieri li tħares lejn realtajiet differenti li forsi ma jingħatawx biżżejjed attenzjoni u li għalihom ma jeżistux servizzi.

“Aħna interessati li nagħmlu differenza. Id-differenza tista’ tagħmilha fejn għandek spazji fis-sistemi li mhumiex jolqtu ċertu komunitajiet u realtajiet. Aħna niffukaw l-aktar fuq tfal u żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u ambjenti vulnerabbli,” insistiet Coleiro Preca.

Fil-fatt saħqet li l-Fondazzjoni kibbret malajr u llum taħdem fuq xejn inqas minn 15-il proġett. Insistiet li huma l-esperjenzi tan-nies u anke organizzazzjonijiet oħra li jitkellmu mal-Fondazzjoni li jikxfu realtajiet differenti li ma jkunux qed jagħmlu ħoss u li għalhekk ma jkunux qed jiġu indirizzati.

Coleiro Preca spjegat kif kull proġett li taħdem fuqu l-Fondazzjoni li hi tmexxi jkun ibbażat fuq ir-riċerka u l-evidenza.

“Aħna nkunu rridu nkunu ċerti li verament ikun hemm nuqqas u ma jkunx hemm servizzi jew organizzazzjonijiet oħra li jkunu qed jindirizzawh,” kompliet tispjega l-President Emeritu. 

Fil-fatt hekk ġara dwar ir-realtà li semmejna fil-bidu ta’ dan l-artiku. Coleiro Preca spjegat kif il-faqar huwa vast ħafna u l-faqar diġitali huwa realtà li ma kinitx qed tiġi indirizzata biżżejjed.

“Tista’ tkun qed tiekol u timla’ żaqqek imma mbagħad l-istess familja ma tiflaħx tixtri laptop lit-tlett itfal li għandha,” kompliet tispjega. “Jekk għandek tlett itfal, it-tlieta li huma għandu jkollhom laptop. Bħalma l-pitazz u l-lapes kienu importanti fi żmieni, daqstant ieħor huwa l-laptop illum għall-edukazzjoni ta’ uliedna. Ma jistax ikollok laptop wieħed u jrid jinqasam bejn tlett itfal. Tnejn minnhom ikunu qed jitilfu.”

Il-President Emeritu kompliet tisħaq li fi żmien l-agħar tal-pandemija, b’mod partikolari meta l-iskejjel kienu magħluqa u t-tfal kienu qed isegwu l-lezzjonijiet mid-dar, din ir-realtà ħarġet aktar fil-beraħ.

‘Huwa dritt tal-istudent li jkollu laptop jew tablet’

Coleiro Preca saħqet kif il-Malta Trust Foundation qamet għall-okkażjoni, kif għamlu diversi organizzazzjonijiet oħra u bdiet toffri għajnuna varja fl-eqqel tal-pandemija.

Fil-fatt, kien f’dan iż-żmien li ġiet konxja wkoll tal-gap diġitali fost it-tfal u minn hawn ġie żviluppat il-proġett Your Device Your Right. 

“Huwa dritt tal-istudent li jkollu laptop jew tablet. L-edukazzjoni hija dritt ta’ kull tifel u tifla u laptop jew tablet illum huwa essenzjali biex taċċessa l-edukazzjoni,” insistiet.

Fil-fatt, il-Malta Trust Foundation kienet talbet lill-MISCO u mingħajr ħlas dawn wettqu studju li minnu rriżulta li 11% tat-tfal bejn il-primarja u l-Università jew ma għandhomx biżżejjed ‘hardware’ jew inkella ma għandhom xejn, lanqas laptop. Dan ifisser madwar 5,000 tifel u tifla.

‘Flok tarmu laptop u toħolqu aktar skart elettroniku, ġibuh għandna’

Propju għalhekk li l-Fondazzjoni waqqfet dan il-proġett u qed titlob lill-industrija u anke lill-individwi biex meta jkunu se jarmu laptop jgħadduh lill-Fondazzjoni.

“Flok imorru jarmuhom u joħolqu aktar skart elettroniku, aħna qed nistednuhom jgħadduhom lilna u aħna nwettqu l-manutenzjoni neċessarja fuqhom. Dawn jiġu qishom ġodda u ninstallaw ukoll sistemi ta’ protezzjoni għat-tfal,” spjegat il-President Emeritu.

Il-Fondazzjoni qed taħdem id f’id mal-prinċipali tal-iskejjel u fil-fatt, ir-referenzi jiġu propju mingħandhom. 

“Nappellaw biex niġbru aktar laptops għax il-problema hija kbira,” kompliet tisħaq waqt li fakkret li t-tfal jikbru u jkun hemm bżonn laptops adegwati anke għal-livelli edukattivi li jkunu waslu fihom.

Ovvjament il-Fondazzjoni ma taħdimx għal rasha, b’Coleiro Preca tisħaq li jsibu kollaborazzjoni kbira anke minn kumpaniji privati u għandhom netwerk kbir ta’ esperti tal-IT li jgħinhom u li jagħmlu kollox b’xejn.

“Aħna Fondazzjoni privata. Kieku ma nsibux min jaħdem b’xejn, irridu nsibu l-mezzi kif se naħdmu. Naħdmu anke mal-Kamra tal-Kummerċ u ltqajna mal-Gozo Business Chamber. Hemm netwerk kbir ta’ kolloboraturi li għandna għan u prinċipju wieħed. Qed ngħinu fuq żewġ livelli. Qed innaqqsu l-gap diġitali u anke nnaqqsu l-iskart elettroniku,” kompliet tisħaq.

‘Min jgħid li l-faqar fost it-tfal ma jeżistix, ikun qed jagħlaq għajnejh’

Mal-President Emeritu komplejna nitkellmu fuq il-faqar fost it-tfal, b’Coleiro Preca tisħaq li din hija realtà li teżisti f’kull pajjiż u min jgħid li f’pajjiżna ma teżistix, ikun qed jagħlaq għajnejh.

“Jekk għandek xi ħadd żvantaġġat kulħadd se jmur ħażin. Kull persuna żvantaġġata, is-soċjetà mhux qed tħares id-drittijiet tagħha biżżejjed. Hemm inkunu qed nonqsu kollha,” saħqet Coleiro Preca.

Kien hawn li insistiet li l-faqar fost it-tfal huwa realtà li l-Fondazzjoni tħabbat wiċċha magħha.

Biss biss, fi żmien il-pandemija, il-Fondazzjoni kienet qed toffri l-ikel lil 6,000 persuna u 2,000 minnhom kienu tfal

“L-ebda pajjiż, sejjer tajjeb ekonomikament kemm sejjer tajjeb, ma jista’ jiftaħar li neħħa għal kollox il-faqar fost it-tfal,” insistiet waqt li fakkret li kull proġett tal-Fondazzjoni huwa bbażat fuq l-evidenza.

Saħħa mentali fost it-tfal ... ‘L-istudji huma inkwetanti’

Tkellimna dwar aktar proġetti tal-Malta Trust Foundation u li fi kliem Coleiro Preca, jikxfu l-aspett kollaborattiv li bih taħdem. 

“Fejn nistgħu aħna nġibu dejjem lil min jaħdem magħna,” insistiet.

Bħala eżempju semmiet is-settur tas-saħħa mentali f’Għawdex. Fost oħrajn, il-Fondazzjoni toffri appoġġ lil persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa mentali fid-djar tagħhom stess.

Ftit xhur ilu fetħu wkoll il-Mental Health Hub. Hawn persuna li tkun ħarġet mit-Taqsima Psikjatrika tal-Isptar tkun tista’ tqatta’ perjodu tranżitorju fil-komunità li matulu tkun tista’ terġa’ takkwista ċertu ħiliet essenjali biex tkun tiflaħ tindirizza l-isfidi li wara kollox kulħadd jiltaqa’ magħhom.

“Dan aħna ma nagħmluhx waħedna. Aħna dan nagħmluh mal-Assoċjazzjoni Maltija għas-Saħħa Mentali u anke ma’ numru ta’ speċjalisti oħra,” spjegat. “Anke assistenza teknika minn barra minn Malta nġibu biex naqsmu l-esperjenza flimkien. Din għalina importanta ħafna.”

Tkellimna aktar dwar is-saħħa mentali u staqsejna lil Coleiro Preca kemm huma mifruxa l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali fost it-tfal u ż-żgħażagħ. 

Il-President Emeritu semmiet studji li wettqet il-Fondazzjoni Richmond u li fi kliemha huma “inkwetanti ħafna,” għax insistiet li qatt mhu sabiħ li tisma’ bi tfal u żgħażagħ li jbatu minn stress u ansjetà.

‘Is-saħħa mentali fost it-tfal għandha tkun prijorità nazzjonali’

“Mill-esperjenza tagħna mat-tfal, il-kwistjoni ta’ saħħa mentali hija reali speċjalment wara l-Covid-19. Hemm bżonn nindirizzaw din ir-realtà u din għandha tkun prijorità nazzjonali,” insistiet. “Meta għandek problemi ta’ saħħa mentali, anke fost tfal u żgħażagħ, se jkollok problemi għada pit għada. Hemm żgħażagħ li jegħlbu l-isfida imma oħrajn li jeħlu u jitilfu ħafna mill-potenzjal tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar tbati s-soċjetà kollha.”

Saħqet li l-importanza għandha tingħata lill-prevenzjoni u mhux sempliċiment lill-kura.

“Għawdex ma kienx hemm servizzi fuq livell komunitarju u għalhekk nedejna dawn is-servizzi. Persuna li għaddejja minn problemi ta’ saħħa mentali, ma jkunx hemm għalfejn tmur l-isptar imma ssib l-appoġġ fid-dar tagħha stess. Dan jintrabat ukoll mal-Mental Health Hub. Ikollok nies li jkunu qed jirċievu appoġġ fid-dar imma jkollhom ftit ħin ta’ mistrieħ u jkunu jistgħu jiġu għal żmien qasir f’Dar il-Kantuniera,” kompliet tispjega.

‘Jgħinuna ħafna kumpaniji minkejja li jafu li mhu se jieħdu xejn’

Coleiro Preca saħqet li jsibu kollaborazzjoni kbira wkoll mill-komunità tan-negozji. 

“F’dawn is-seba’ snin, il-komunità kummerċjali kienet importanti ħafna għalina. Dawn ma hemmx viżibilità. Għandna 15-il proġett u dawn jgħinuna fihom. Ħadd mhu se jkun jaf li qed jgħinuna. Irrid napprezza l-għajnuna tagħhom. Dawn isostnu bil-kwiet il-ħidma tagħna,” insistiet.

Anke minn sempliċi skatepark issir ħidma biex it-tfal kollha jilħqu l-potenzjal tagħhom

L-ambjent u s-saħħa mentali jimxu id f’id u għalhekk il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Coleiro Preca jekk il-Fondazzjoni taħdimx ukoll f’dan il-qasam, b’mod partikolari biex tassigura li tfal u żgħażagħ ikollhom spazji miftuħa fejn ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

“Aħna nemmnu wkoll fil-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna,” bdiet tispjega l-President Emeritu. “Aħna fil-proġetti tagħna, ikollna l-input ta’ dik il-komunità li aħna nkunu qed ngħinu.”

Fil-fatt, dan deher biċ-ċar meta l-Fondazzjoni kienet żviluppat skatepark f’Birżebbuġa, idea li kienet ġiet mill-Aġenzija Żgħażagħ.

“Għamilna proċess li fih involvejna lit-tfal. L-idea kienet li t-tfal li huma dilettanti tal-iscating ma jibqgħux jiġru fit-toroq bla spazju ta’ xejn u kienu huma li ħarġu b’din l-idea,” spjegat Coleiro Preca.

Dan l-iskatepark illum jiġbor fih lit-tfal min-nofsinhar kollu ta’ Malta. “Din kienet ix-xewqa tagħhom u żviluppajnih anke fuq disinji tagħhom stess,” insistiet.

Fuq dan il-proġett, il-Fondazzjoni taħdem id f’id mal-Aġenzija Żgħażagħ.

“Aħna mhux entità tal-infrastruttura. Aħna qegħdin hemm biex ngħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Allura aħna żviluppajna dan il-proġett u ħdimna mal-Aġenzija Żgħażagħ biex tissuplixxi ħaddiema soċjali. L-idea kienet li minn dan il-park, it-tfal u ż-żgħażagħ li jinġabru fih, jibqgħu jiġu mħarġa f’ħiliet oħra essenzjali għall-ħajja,” kompliet tispjega. “Il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb ukoll l-infrastuttura u l-manutenzjoni.”

Insitiet li l-Fondazzjoni qatt ma trid li l-oġġettiv tal-proġett jintilef maż-żmien u għalhekk tibqa’ dejjem timmoniterja u tagħmel dan anke bl-għajnuna tal-Università ta’ Malta biex permezz ta’ studji jkunu jistgħu jevalwaw l-impatt ta’ proġetti bħal dan biex fejn ikun hemm bżonn jirtukkaw u jiżviluppaw.

“Aħna ma rridux nonfqu. Aħna rridu ninvestu. It-tir tagħna huwa li ngħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. Meta tinvesti inti qed tinżel fil-fond biex twettaq il-bidla li jkun hemm bżonn,” temmet tgħid il-President Emeritu.

More in Politika