F'April l-Ajruport irreġistra l-ogħla rata ta' rkupru minn wara l-pandemija

L-Ajruport qal li t-traffiku ta’ April jawgura tajjeb għax-xhur li ġejjin iżda fakkar fi studju riċenti li wera kif 56% tal-Ewropej li kienu qegħdin jippjanaw li jsiefru fis-sajf kien diġà għażlu d-destinazzjoni tagħhom qabel ma Malta neħħiet ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar

Ritratt: Malta International Airport
Ritratt: Malta International Airport

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li April li għadda ġab miegħu jiem aktar impenjattivi hekk kif għaddew minnu 513,979 passiġġier.

Fi stqarrija, l-Ajruport spjega kif dan jissarraf fi rkupru ta’ 78.7% tal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija, jiġifieri l-ogħla rata ta’ rkupru li rreġistra l-istess Ajruport sa issa.

Fil-fatt spjega kif is-seat load factor (SLF) għax-xahar ta’ April, laħaq is-77.8%. Dan kien biss 5.6 punti perċentwali taħt il-livelli tal-2019 u għalhekk indika li d-domanda għall-ivvjaġġar matul ix-xahar kienet waħda b’saħħitha.

L-Ajruport spjega li kien hemm għadd ta’ fatturi, inklużi t-tnedija tal-iskeda ta’ titjiriet tas-sajf tal-ajruport, li toffri konnessjonijiet aħjar, u r-rilassament tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn Malta fil-11 ta’ April, li kienu kontributuri important għar-riżultati pożittivi tax-xahar li għadda.

Il-vaganzi tal-Għid taw l-akbar spinta lit-traffiku. Matul l-aktar ġimgħa impenjattiva tax-xahar li għadda, li ħabtet bejn it-18 u l-24 ta’ April, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 133,267 passiġġier, liema total huwa bejn wieħed u ieħor kumparabbli mat-traffiku li ġġestixxa l-ajruport fl-ewwel xahar tas-sena.

L-aqwa swieq tal-ajruport baqgħu l-istess kif kienu f’Marzu, jiġifieri bl-Italja fil-quċċata tal-lista, b’114,707 movimenti tal-passiġġieri, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.

Filwaqt li l-Ajruport qal li t-traffiku ta’ April jawgura tajjeb għax-xhur li ġejjin, fakkar f’data li ġiet ippubblikata reċentement għall-ewwel kwart tas-sena u turi li Malta kompliet tirkupra aktar bil-mod mill-kompetituri Mediterranji tagħha.

Spjega kif filwaqt li r-rilassament ta’ bosta restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn Malta fil-ġimgħat li għaddew huwa mistenni li jagħmel lill-gżira aktar attraenti, riżultati ta’ stħarriġ li ġew ippubblikati f’April 2022 mill-European Travel Commission urew li 56% tal-Ewropej li kienu qegħdin jippjanaw li jsiefru fis-sajf kien diġà għażlu d-destinazzjoni tagħhom.

More in Politika