‘Kull ġurnata li tgħaddi li l-ADPD ma tkunx fil-Parlament hija inġustizja’ - Cacopardo

L-ADPD konvinta li ma hemm l-ebda volontà favur tibdil elettorali u għalhekk li talbet il-protezzjoni tal-Qrati

L-ADPD tisħaq li, il-Parlament Malti hu riflessjoni ta’ sistema elettorali “imbgħabsa biex taġevola lill-PLPN”. Dan qalitu hekk kif illum ġiet inawgurata leġislatura ġdida. Cacopardo tenna li l-ADPD kienet ilha li ħadet pożizzjoni, sa minn ħafna qabel il-kampanja elettorali, dwar il-mekkaniżmi kostituzzjonali li jemenda r-riżultat elettorali.

Kien hawn li l-ADPD semmiet il-mekkaniżmu dwar il-proporzjonalità illi “jinjora” l-voti kollha li jinkisbu mill-partiti li ma jiksbux siġġu Parlamentari. “Il-voti miksuba mill-ADPD (4747 vot) jiġifieri ferm iktar mill-kwota nazzjonali, għandhom id-dritt ukoll li jkunu rappreżentati fil-Parlament għaliex kull vot jgħodd! Ma humiex biss il-voti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista li għandhom valur iżda kull vot ta’ kull ċittadin Malti għandu jkollu valur,” tenna Cacopardo.

Huwa kompla jgħid li din il-garanzija tal-proporzjonalità għandha tingħata lill-partiti kollha. “Kull ġurnata li tgħaddi li rappreżentanti tal-ADPD mhumiex fil-Parlament Malti hija inġustizzja ma’ dawk il-votanti, li bil-vot tagħhom wrew fiduċja fl-istess partit,” qal Cacopardo. 

Barra minn hekk huwa aċċenna għall-mekkaniżmu dwar il-bilanċ tal-ġeneru li skontu, “hu wkoll riżervat esklussivament għaż-żewġ partiti fil-parlament.” Għalkemm l-ADPD taqbel ma miżuri intiżi biex jaġevolaw il-bilanċ tal-ġeneru fil-Parlament tisħaq li ma taqbilx ma mekkaniżmi li huma “diskriminatorji u riżervati għall-PLPN.” 

Fl-aħħar Cacopardo qal li bħala partit jinsabu konvinti li “ma teżistix il-volontà politika favur tibdil elettorali li jkun ġust fil-konfront ta’ kulħadd. Għalhekk ma kellna l-ebda triq oħra għajr li nirrikorru għall-protezzjoni tal-Qrati permezz ta’ kawża kostituzzjonali li se tkompli tinstema matul il-ġimgħa d-dieħla”.

More in Politika