‘Tifel li ma kienx jikkomunika llum kiteb żewġ kotba fosthom wieħed dwar l-awtiżmu’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-President Emeritu Marie Louis Coleiro Preca u titkellem magħha dwar proġett tal-Malta Trust Foundation immirat lejn dawn it-tfal li huma nieqsa mid-dawl u oħra fuq l-ispettru tal-awtiżmu li ma jitkellmux. Nhar is-Sibt li ġej, il-Fondazzjoni se tiġbor il-flus għat-tagħmir li jingħata lil dawn it-tfal waqt maratona ġbir ta’ fondi

Beppe Caruana, it-tifel li ma kienx jikkomunika u issa jikteb il-kotba
Beppe Caruana, it-tifel li ma kienx jikkomunika u issa jikteb il-kotba

“Kellna tfal bl-awtiżmu li qatt ma kkomunikaw u llum kapaċi jiktbu l-kotba.” Hekk saħqet il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca meta l-gazzetta ILLUM tkellmet magħha dwar il-proġett E-cubed li l-Malta Trust Foundation, li hi tmexxi, qed taħdem fuqu u se tkun qed tiġbor għalih waqt maratona li se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju.

Dan il-proġett, li huwa tant għal qalb Coleiro Preca u l-Fondazzjoni, jaħdem biex joffri appoġġ lil tfal nieqsa mid-dawl u oħrajn li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu u ma jitkellmux, biex permezz tat-teknoloġija jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom, jaċċessaw l-istudji tagħhom, jibqgħu jiżviluppaw u fuq kollox ikunu jistgħu jikkomunikaw.

Fil-fatt, spjegat Coleiro Preca, għalhekk il-proġett jissejjaħ E-Cubed għax it-tir tiegħu huwa li jħeġġeġ, jinkoraġġixxi u jeduka (Empowerment, Encouragment and Educate). Tista’ tgħid li dan huwa l-għan wara kull proġett li tidħol għalih il-Fondazzjoni anke biex tindirizza realtajiet li għalihom ma jeżistux servizzi speċjalizzati. Tagħmel dan, anke bis-saħħa tar-riċerka u l-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet.

Tkellimna aktar fid-dettall dwar dan il-proġett, bil-President Emeritu tisħaq li llum it-teknoloġija tagħti tagħmir, li jaħdem skont il-bżonn tal-persuna partikolari. Dan it-tagħmir jiswa ħafna flus anke sa €10,000 u għalhekk li l-Fondazzjoni qed titlob l-għajnuna tal-pubblika.

Mistoqsija kemm jolqot nies proġett bħal dan, Coleiro Preca qalet li hemm mijiet ta’ tfal li jistgħu jgawdu minn din it-teknoloġija. Fil-fatt, il-Fondazzjoni diġà ħadmet ma’ 200 tifel u tifla u hemm mijiet oħra li tixtieq tgħin fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Bħal dejjem, il-Malta Trust Foundation ma taħdimx waħedha imma f’dan il-proġett hemm ukoll il-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Sapport u t-Taqsima tagħha tal-ACTU (Access to Communication & Technology Unit), li twettaq assessjar tal-għajnuna u t-teknoloġija li kull tifel u tifla jkollha bżonn.

“Aħna rajna mirakli jseħħu mat-tfal li diġà ħdimna magħhom,” kompliet tgħid il-President Emeritu. “Tfal li qatt ma kkomunikaw kapaċi jiktbu ktieb. Għandna tifel ta’ għaxar snin li kiteb żewġ kotba u f’wieħed minnhom jispjega x’inhu l-awtiżmu. Dan it-tifel ma kienx jikkomunika. Bis-saħħa ta’ dan it-tagħmir li permezz tiegħu qed jikkomunika, minn ittra ittra, kelma kelma, sentenza sentenza, kiteb żewġ kotba. Bħalu għandna tifel ieħor Għawdxi li llum jikteb il-poeżiji u l-proża. Tifel ieħor bl-awtiżmu qed jikkomponi l-mużika.”

Semmiet tfal oħra li ma jarawx u bis-saħħa ta’ dan it-tagħmir illum qed jistudjaw is-sound engineering u saħansitra jdoqqu strumenti.

“Jiena kuntenta mmens b’dan il-progress. Din hija prova mill-aktar tanġibbli u ċara li kulħadd għandu potenzjal. Id-differenza hi li kulħadd għandu bżonn appoġġ differenti. Kollha għandna bżonn l-appoġġ partikolari tagħna biex nimxu ‘l quddiem,” kompliet tispjega Coleiro Preca.

Illum, uħud minn dawn it-tfal huma żgħażagħ għax l-ewwel grupp ta’ tfal, li ma kinux jaraw, gawda minn dan il-proġett erba’ snin ilu. Fil-fatt dawn kienu 80 tifel u tifla minn skejjel primarji u sekondarji mifruxa madwar Malta u Għawdex u li ngħataw it-tagħmir li kellhom bżonn skont iċ-ċirkostanza tagħhom.

“Aħna mhux nagħtu tagħmir u nieqfu hemm. It-tfal jikbru u t-tagħmir irid jiżviluppa magħhom skont il-livell edukattiv u l-potenzjal tagħhom,” kompliet tispjega. “Aħna ma nitilquhomx.”

Kien hawn li saħqet li propju għalhekk li l-Malta Trust Foundation, għal darb’oħra se tkun qed iddur fuq il-poplu Malti u Għawdxi għall-għajnuna. 

“Għandna bżonn l-appoġġ ta’ kulħadd. Jekk hemm tifel jew tifla waħda li mhux se tasal biex tilħaq il-potenzjal tagħha, se nkunu qed nitilfu kollha kemm aħna bħala soċjetà. Lil dawk it-tfal mhux biss qed nagħtuhom dinjità imma qed ngħinuhom biex għada pit għada jagħtu lura dak it-talent u dak il-potenzjal lill-pajjiż,” saħqet Coleiro Preca.

Semmiet esperjenza li tibqa’ mnaqqxa f’qalbha ta’ omm li binha kkomunika magħha għall-ewwel darba wara għaxar snin. 

“Din l-omm qaltli li binha, f’għaxar snin qatt ma sejħilha Ma, qatt ma qalilha xi jrid jiekol, qatt ma qalilha jekk ikun muġugħ jew fejn, qatt ma qalilha hux ferħan jew le. Illum il-folja nqalbet. Bis-saħħa ta’ dan it-tagħmir, il-ħajja ta’ din il-familja nbidlet. Illum jitkellmu flimkien,” insistiet il-President Emeritu.

Il-maratona se tkun imxandra fuq l-istazzjonijiet kollha Maltin nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu. Se tibda f’nofsinhar u tibqa’ sejra sa nofsilejl. 

Marie Louise Coleiro Preca temmet tisħaq li x-xewqa tagħha hija li l-poplu jifhem li kull persuna, hi min hi u għandha x’għandha, għandha l-potenzjal tagħha u kulħadd huwa fi dmir biex jaħdem u jassigura li dik il-persuna tilħaq il-potenzjal tagħha. 

Għalhekk, l-appell tagħha huwa biex bħal dejjem, nhar is-Sibt, il-poplu jingħaqad u jagħti l-appoġġ tiegħu lil dan il-proġett u fuq kollox lil dawn it-tfal.

More in Politika