Ix-xahar id-dieħel il-Prosekuzzjoni fil-każi kontra ż-żewġ qassisin Għawdxin se tkun ressqet il-provi kollha

Sorsi qrib l-investigazzjoni u anke l-Pulizija jiċħdu li dwar dan il-każ hemm it-tkaxkir tas-saqajn u jinsistu li l-każ kontra ż-żewġ qassisin, akkużati b’abbuż sesswali, miexi ġmielu

Ix-xahar id-dieħel, il-Prosekuzzjoni mistennija tagħlaq il-provi kollha li kellha tressaq fil-każi kontra ż-żewġ saċerdoti Għawdxin li qed ikunu akkużati b’abbuż sesswali. 

Minkejja li sorsi qrib il-każ ilmentaw mal-gazzetta ILLUM li l-każ qed idum u hemm it-tkaxkir tas-saqajn, sorsi oħra li huma qrib l-investigazzjoni insistew li l-każ miexi ġmielu u kif ippjanat.

Anke kelliem għall-Pulizija kkonferma mal-ILLUM li l-każ miexi u li fl-20 ta’ Mejju li ġej, jiġifieri fis-seduta li jmiss, il-Prosekuzzjoni mistennija li tkun ippreżentat il-provi kollha tagħha u anke ressqet ix-xhieda kollha li għandha.

Il-Kelliem għall-Pulizija ċaħad ukoll li kien hemm xi seduti fejn il-Pulizija ma kinux preżenti għalihom. Insista li l-Prosekuzzjoni qed taħdem u li l-każ miexi kif ippjanat. 

Qal biss li kien hemm diferiment ta’ seduta waħda hekk kif oriġinarjament il-każi kontra ż-żewġ qassisin kienu qed jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Monica Vella iżda eventwalment, il-każi kollha li kellha Vella fil-Qorti ta’ Għawdex għaddew f’idejn il-Maġistrat Bridgette Sultana.

Is-sorsi qrib il-każ insistew li t-trasferiment tal-każi kollha lill-Maġistrat il-ġdid mexa tajjeb ħafna tant li f’dan il-każ, ġiet diferita biss seduta waħda u bi ftit jiem biss.

Iż-żewġ qassisin tressqu l-Qorti f’Jannar li għadda. Iż-żewġ qassisin għandhom 85 u 71 sena.

Ix-xhud ewlieni f’dan il-każ huwa żagħżugħ li għandu fuq l-għoxrin sena. Skont iż-żagħżugħ, li xehed ukoll fis-seduti, anke jekk jgħix barra, l-allegat abbuż seħħ meta hu kellu tmien snin u kien abbati fil-parroċċa tax-Xagħra.

Fil-każ ta’ s-saċerdot li għandu 85 sena, l-allegat vittma kien qal li s-saċerdot kien jieħdu f’kamra, li tintuża għall-Qrar fis-sagristija tax-Xagħra u kien imissu, ġieli anke ftit qabel il-quddiesa tal-Ħadd. Skont iż-żagħżugħ, l-abbuż dam għaddej aktar minn sena u ġieli ħadu wkoll fis-sala parrokkjali. 

Il-każ kontra s-saċerdot l-ieħor huwa xi ftit jew wisq aktar serju anke skont dak li rrakkonta l-vittma fil-Qorti. Kien xehed kien is-saċerdot kien, allegatament, jieħdu fil-karozza tiegħu fl-imwarrab u kif l-abbuż saħansitra spiċċa nbidel fi stupru anke meta aktar tard kien ħadu d-dar tiegħu biex taparsi jurih ritratti tal-wrestling li l-abbati kien iħobb.

Skont il-vittma, dan il-qassis, allegatament kien jagħtih il-flus kull darba li jabbużah.

Il-vittma kien sab ħafna għajnuna mingħand Dun Anton Teuma li llum huwa l-Isqof ta’ Għawdex, anke għax kien spiċċa jieħu d-droga, jixrob u saħansitra pprova jagħmel suwiċidju meta kellu 18.

Fil-fatt, fix-xhieda tiegħu kien qal kif Teuma u qassis ieħor Għawdxi, mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, kienu għenuh jagħmel kuraġġ u jitkellem mas-Safeguarding Commission tal-Kurja meta rrakkonta magħhom l-allegat abbuż.

Sa dak iż-żmien, il-vittma ma kienx żvela l-ismijiet taż-żewġ saċerdoti. Fil-fatt, l-Isqof Teuma kien qal li ż-żewġ qassisin twaqqfu mill-ministeru pastorali tagħhom f’Awwissu tal-2020, meta bdiet l-investigazzjoni tas-Safeguarding Commission.

Il-każ kontra ż-żewġ qassisin qed ikompli bil-bibien magħluqa u kienu tpoġġew taħt att ta’ akkuża. Huma qed jiċħdu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom. 

More in Politika