Raġel akkużat li hedded lil Manuel Delia; Ma jiħux avukat miegħu għax jgħid li 'l-każ mhux serju'

Ir-raġel, li kien iltaqa’ ma’ Delia f’Għajnsielem u nfexx jgħajru u jakkużah, tressaq il-Qorti llum akkużat li hedded u insulenta lill-blogger fost oħrajn

Il-Qorti ta’ Għawdex bdiet tisma’ l-każ kontra raġel li tressaq akkużat li hedded lill-blogger Manuel Delia kemm meta rah wiċċ imb’wiċċ u anke fuq it-telefown.

Ir-raġel, li kien iltaqa’ ma’ Delia f’Għajnsielem u nfexx jgħajru u jakkużah, tressaq il-Qorti llum akkużat li hedded u insulenta lill-blogger fost oħrajn.

L-akkużat deher quddiem il-Qorti mingħajr Avukat u meta mistoqsi għaliex ma kienx akkumpanjat minn Avukat, huwa wieġeb li ma kienx hemm bżonn għax il-każ mhuwiex wieħed serju.

Il-Maġistrat Simone Grech ma tantx ħadet tajjeb dawn il-kummenti u qaltlu li mhux hu jiddeċiedi jekk il-każ hux serju jew le.

Eventwalment, l-Avukat Joshua Grech li kien preżenti, beda jidher għall-akkużat.

Xehed Manuel Delia li spjega kif qatt qabel ma kien ra lir-raġel u ltaqa’ miegħu kumbinazzjoni meta ġew karozza ma' karozza. Meta r-raġel għaraf minn kien, qabad jagħjru u jinsulentah u qallu li hu kien Laburist.

Jidher li meta kompla jsuq, l-istess Delia rċieva telefonata (li n-numru tagħha ma mmarkax fuq il-mowbajl) fejn ir-raġel allegatament kompla jgħajru u anke jheddu.

Delia eventwalment irrapporta lill-Pulizija. Insista li ħassu mhedded hekk kif dan ir-raġel ma ddejjaqx jikkonfrontah f’post pubbliku, quddiem kulħadd, fil-preżenta tal-familja tiegħu stess. 

Il-każ se jkomplu f’Lulju.

More in Politika