‘Anke jekk żgħira, Malta tista’ tilgħab rwol importanti ... kruċjali li Malta turi appoġġ mal-Ukrajna’

Malta stiednet lill-President Ukren Volodymyr Zelensky biex jindirizza l-Parlament Malti meta dan jerġa’ jiftaħ. Malta kellha tagħmel din l-istedina? X’differenza din tista’ tagħmel għall-Ukrajna? B’xi mod din tista’ taffettwa n-newtralità ta’ Malta? L-Oppożizzjoni qed tappoġġja din l-istedina? L-ILLUM titkellem mal-Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Università u anke mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin 

“Huwa kruċjali li Malta turi appoġġ mal-Ukrajna. Anke jekk pajjiż żgħir, Malta tista’ tilgħab rwol importanti.” Hekk saħaq il-Professur James Sater li jmexxi d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Università ta’ Malta.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Sater ftit jiem biss wara li l-Ministru l-ġdid għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, ħabbar li l-Gvern Malti stieden lill-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy biex jindirizza lill-Parlament Malti malli dan jerġa’ jiftaħ.

Immedjatament wara, bdew ir-reazzjonijiet u l-kummenti. Min jaqbel u jgħid li dan huwa ġest mill-isbaħ u min jisħaq li Malta qed tindaħal fejn ma jesagħhiex u li xi ħaġa bħal din tista’ taffettwa n-newtralità ta’ Malta.

Propju dwar dan kollu, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur James Sater li saħaq li l-istedina ta’ Malta hija turija ta’ appoġġ u fuq kollox ġest diplomatiku.

Insista li dan ma għandu xejn x’jaqsam u bl-ebda mod mhu se jkun qiegħed jaffettwa n-newtralità ta’ Malta. Fakkar li wara kollox, la Malta u lanqas l-Ukrajna ma huma membri tan-NATO, alleanza militari li tiġbor fiha 30 pajjiż.

James Sater
James Sater

“Din l-istedina mhux se jkollha xi effett dirett fuq in-newtralità u f’dan ir-rigward mhu se tkun qed biddel xejn,” insista l-Professur. 

Saħaq li f’dan l-istadju l-pajjiżi ftit li xejn jistgħu jagħmlu ħlief li juru appoġġ, jgħinu fejn jidħlu l-armamenti u anke l-għajnuna umanitarja. Malta, mill-banda l-oħra, anke għax hi pajjiż newtrali, inqas tista’ tagħmel u għalhekk huwa kruċjali li almenu turi l-appoġġ tagħha, anke b’rispett lejn l-Ukreni li jgħixu f’Malta u fi bnadi oħra.

“Malta ma tridx tosserva biss. Malta anke jekk pajjiż żgħir, tista’ tilgħab rwol importanti,” kompla jisħaq il-Professur. “Anke jekk Malta mhuwiex xi pajjiż strateġiku li jista’ jagħmel xi differenza kbira, wara kollox huwa pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea.”

Kompla jisħaq li Malta hija bħala parti mid-dinja u anke mill-Unjoni Ewropea, Malta wkoll hija affettwata minn dan il-kunflitt. Fil-fatt, bħall-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, tpoġġiet f’lista ta’ pajjiżi, li għar-Russja huma “ostili.”

Hawn il-Professur saħaq li l-istatus tan-newtralità, iċ-ċokon u anke l-pożizzjoni ta’ Malta tagħmilha pajjiż sigur għad-diskussjoni u l-ħidma favur il-paċi u r-relazzjonijiet diplomatiċi.

Fakkar kif f’Malta, fl-1989, kienet ospitat summit storiku bejn l-aktar żewġ mexxejja influwenti tad-dinja ta’ dak iż-żmien, jiġifieri George Bush, President tal-Istati Uniti u Mikhail Gorbachev, Mexxej tal-Unjoni Sovjetika.

Dan is-summit kien kruċjali u huwa meqjus, anke simbolikament, bħala dak li ssiġġilla t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda.

Kien għalhekk li l-Professur insista li n-newtralità u ċ-ċokon tal-pajjiż kienu u jistgħu jibqgħu importanti għal Malta li bis-saħħa tagħha tista’ tgawdi l-komunità internazzjonali.

‘L-Oppożizzjoni qed tappoġġja l-istedina’

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM ħadet ukoll ir-reazzjoni tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Beppe Fenech Adami li insista li l-Oppożizzjoni qed tappoġġja din l-istedina li qiegħed jagħmel il-Gvern Malti biex malli jerġa’ jiftaħ il-Parlament, il-President Ukren jindirizza lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Fenech Adami saħaq li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isegwi bi preokupazzjoni dak li qiegħed jiġri lill-wieħed mill-pajjiżi fl-Ewropa.

Beppe Fenech Adami
Beppe Fenech Adami

Insista li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li din il-gwerra hija waħda li tikser il-liġi internazzjonali, timmina s-sovranità ta’ pajjiż indipendenti u qed tħalli ħafna vittmi, inkluż nies innoċenti.

Dwar il-kunċett tan-newtralità, Fenech Adami saħaq li dan ma jfissirx li Malta għandha tonqos milli turi s-solidarjetà tagħha ma’ pajjiż li spiċċa fi gwerra għax hekk dehrlu xi ħadd ieħor.

Insista li Malta anke jekk hija pajjiż ċkejken għandha ħafna x’toffri wkoll. Faħħar, fost oħrajn, il-fatt li Malta diġà laqgħet Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom u ġew Malta biex isibu refuġju apparti għajnuna oħra offruta.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ukren grat għall-għajnuna li qed toffri Malta

Nhar it-Tnejn li għadda, bħala waħda mill-ewwel impenji tiegħu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Ian Borg ħabbar li tkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dymtro Kuleba.

Saħaq li l-Ministru Ukren wera l-gratitudni tal-Gvern Ukren għall-għajnuna li qed tagħti Malta, fosthom għajnuna umanitarja, interventi mediċini u anke l-fatt li laqgħet għadd ta’ refuġjati.

Ian Borg
Ian Borg

Il-Ministru Borg fakkru li Malta hija b’mod sħiħ parti mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea. Qal li fiehem ukoll għaliex Malta għadha ma keċċitx mill-pajjiż diplomatiċi Russi. Insista li r-raġuni ewlenija hija ċ-ċokon tal-Ambaxxata Maltija f’Moska.

Intant, il-Gvern Ukren għadu ma infurmax lill-Gvern Malti jekk Zelenskyy hux se jilqa’ l-istedina biex jindirizza l-Parlament Malti. Borg qal biss li l-Ministru Kuleba apprezza ħafna din it-talba u wiegħdu li se jkun qed jirrakkomanda biex din issir.

Il-Parlament Malti se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju. 

More in Politika