Eve Borg Bonello tgħid li nefqet biss €500 fuq il-kampanja elettorali tagħha

Illum stess, il-Kummissjoni Elettorali fakkret lill-kandidati li kkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali u li għadhom ma ssottomettewx ir-rapport ġuramentat tad-dħul/spejjeż elettorali tagħhom li għandhom ċans sat-Tnejn it-2 ta’ Mejju 2022 biex jagħmlu dan

L-iżgħar Deputat fil-Parlament Malti, Eve Borg Bonello qalet li tul il-kampanja elettorali, hija nefqet €506.40.

Fuq Facebook, Borg Bonello fakkret li hi kkampanjat favur it-trasparenza fil-politika u għalhekk li fi kliemha żvelat l-ispiża kollha tagħha tul il-kampanja.

Bonello ġiet approvata bħala kandidata 40 ġurnata biss qabel l-elezzjoni u ħarġet fuq żewġ distretti.

Qalet li hi nefqet €200 fuq stampar ta' business cards u €256.40 f'reklamar fuq Facebook 

Neffqet ukoll €50 fi stationery. Ingħatat ukoll donazzjoni ta' €100 biex tkun tista' tagħmel banner u anke xi materjal ieħor.

Borg Bonello ġiet eletta bis-saħħa tal-mekkaniżmu tal-ġeneru.

Illum stess, il-Kummissjoni Elettorali fakkret lill-kandidati li kkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali u li għadhom ma ssottomettewx ir-rapport ġuramentat tad-dħul/spejjeż elettorali tagħhom li għandhom ċans sat-Tnejn it-2 ta’ Mejju 2022 biex jagħmlu dan.

Fakkret li min ma jissottomettix dan ir-rapport jew jissottomettih tard ikun qed jikser id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti 41 sa 52 tal-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354) bil-konsegwenzi stipulati.

 

More in Politika