Grech jgħid li se jerġa' jitlob vot fuq il-futur tiegħu jekk il-PN ma jirbaħx it-tielet siġġu fil-PE

Sa issa Bernard Grech biss qal li se jkun qed jikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wiegħed li jekk il-Partit Nazzjonalista ma jirbaħx it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew fl-2024 se jkun qed jerġa’ jitlob vot fuq it-tmexxija tiegħu.

Grech qal dan meta lbieraħ indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN li skatta l-proċess għall-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista li sa issa Bernard Grech biss qal li se jkun qed jikkontesta għaliha.

Il-Partit Nazzjonalista, minkejja li daħħal lill-Malta fl-Unjoni Ewropea, qatt ma rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Fil-fatt, il-Partit Laburista dejjem kellu siġġu aktar mill-Partit Nazzjonalista, ħliet fl-2014 meta s-siġġijiet ta’ Malta żdiedu minn ħamsa għal sitta u l-PN irnexxielu jirbaħ bi żbrixx it-tielet siġġu.

Meta kien qed jindirizza lid-delegati tal-PN, Grech saħaq li jekk l-azzjonijiet tiegħu ma jwasslux lill-PN biex jirbaħ it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, se jkun qed jerġa’ jitlob vot fuq it-tmexxija tiegħu.

Bernard Grech se jkun qed jikkontesta elezzjoni għall-Kap tal-PN li trid issir bilfors, skont l-istatut hekk kif il-PN reġa’ tilef bi kbir l-elezzjoni ġenerali.

X’aktarx li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2024, terġa’ tikkontesta Roberta Metsola, li llum hija l-President tal-Parlament Ewropew u li bosta huwa dawk li jarawha tmexxi lill-Partit Nazzjonalista, anke minħabba l-istatus li issa kisbet.

Madanakollu, dwar dan xejn mhu ċert. Jekk il-Partit Popolari Ewropew jirbaħ mill-ġdid dawn l-elezzjonijiet, mhux eskluż li Metsola terġa’ tingħata terminu ieħor bħala President tal-Parlament Ewropew.

Fl-istess diskors, il-Kap Nazzjonalista kkonferma l-istorja tal-gazzetta ILLUM jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta' €32 miljun.

Grech saħansitra saħaq li l-PN ma għandux biżżejjed flus f'idu biex imexxi kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali fi żmien sentejn.

Fi kliemu, mhux faċli li tmexxi partit u tieħu deċiżjonijiet u tispiċċa b'idejk dejjem marbuta minħabba l-limitazzjoni finanzjarja tal-PN.

Issuġġerixxa li l-partit se jkollu jikkonsidra li jbigħ xi assi tiegħu biex ikun jista' jħallas dan id-dejn. Insista li l-PN għandu ħafna assi, fosthom il-każini. Fi kliemu, jekk il-Partit mhux se jinbidel f'organizzazzjoni aktar sostenibbli, se jkun qed ifalli.

Intant, skont sondaġġ tal-MaltaToday, 70% tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jaqblu li Grech jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jekk Grech jikkontesta waħdu, se jkunu l-kunsilliera biss li jivvotaw.

More in Politika