Id-dejn jibqa' jlaħħaq il-miljuni u tal-VAT jitolbu lil uffiċjali tal-PN biex iħallsu

Hekk kif id-dejn tal-PN jibqa' madwar €30 miljun, sorsi jistaqsu l-partit kif se jkun kapaċi jħallas lura miljuni f'Ċedoli fl-2026... u id-Dipartiment tal-VAT kien bagħat ittri lill-uffiċjali tal-PN biex jibdew iħallsu

Lura f'Awwissu li għadda d-Dipartiment tal-VAT kien bagħat ittri lil diversi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista illi fihom kien talabhom - f'isem il-partit - biex iħallsu eluf kbar f'VAT pendenti. F'din l-ittra - tinsab infurmata din il-gazzetta - intqal illi l-pendenzi tal-VAT, li jidher illi jlaħħqu l-miljuni, kellhom jibdew jitħallsu sa 30 jum wara. Minkejja li din il-gazzetta mhix infurmata dwar qbil ta' ħlas, jidher li ma reġgħatx ħarġet ittra wara u sa issa. 

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu illi s-sitwazzjoni finanzarja tal-PN baqgħet waħda pjuttost gravi bid-dejn jibqa' dak ta' madwar €30 miljun u jkompli jikber - anke jekk mhux b'ħafna - b'telf ta' madwar €300,000 li għamel l-istess partit fil-kampanja elettorali. 

Kienet il-gazzetta oħt Maltatoday li lura fl-2020 kienet żvelat illi l-PN kellu dejn ta' €34 miljun - li jinqasmu f'dejn li gġandu l-partit nnifsu, dejn akkumulat mill-MediaLink (il-midja tal-PN) u dejn mill-Patria Trust. Kienet imbagħad il-gazzetta ILLUM fi Frar 2020 li żvelat kif il-PN għandu aktar minn €12-il miljun f'dejn mal-Gvern, f'bolol, taxxi, kontijiet u VAT. 

"Il-verità hija kif konna għidnilek diġà. Dak kollu li kien bena Robert Arrigo f'termini ta' flus u mmaniġġjar tal-finanzi tal-partit inħatt. Dik hija l-verità u l-ebda pressjoni dakinhar biex tiġi miċħuda l-istorja(tal-ILLUM) mhi se ddawwar mill-fatti," qal sors li kien diġà tkellem ma' din il-gazzetta lura f'Jannar li għadda. Mistoqsi għal xhiex qed jalludi meta semma' pressjoni ma xtaqx jelabora aktar.

Din il-gazzetta pruvat tagħmel kuntatt ma' Arrigo diversi drabi u meta eventwalment stabbiliet kuntatt, dan wieġeb li ma kellu assoluatment xejn x'jikkumenta. 

Dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN iżda wissew li l-ikrah għadu ġej hekk kif hemm miljuni kbar li jridu jingħataw lura f'Ċedoli hekk kif din l-iskema tagħlaq fl-2026, sena qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. "Kif se jitħallsu dal-miljuni kollha? Minn fejn se jiġu?" Fakkru wkoll li apparti t-telf li qed tagħmel il-midja hemm ukoll madwar €1 miljun x'jtħallsu mill-Patria Trust , jiġifieri l-flus li ġejjin mill-bejgħ tal-każini.

Lura fl-2016 il-PN kien fetaħ skema, li kienet ikkritikata minn bosta, illi permezz tagħha persuni jinvestu fil-PN u wara 10 snin jieħdu lura l-kapital bl-interessi. Biss, biss sal-2017 kien irrappurtat illi minn din l-iskema kienu diġa' ġew investiti €3.5 miljun, b'Robert Arrigo mbagħad fl-2020 jisħaq li f'temp ta' ftit jiem kienu saru madwar 100 kuntratt taċ-Ċedoli li jlaħħqu madwar €1 miljun waħedhom. L-akbar kritika kienet dwar il-kunfidenzjalità ta' dawk illi jagħtu flus lill-PN permezz ta' din l-iskema. 

"Sfortunatament u minn dak li jingħad lilna Bernard Grech jibqa' jirrifjuta li jiddiskuti dawn il-materji mill-aktar serji għall-PN," qalu dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta fuq kundizzjoni ta' anonimità. 

More in Politika