L-ADPD issejjaħ għal azzjoni urġenti mill-Gvern biex itaffi mill-impatt tal-gwerra fuq pajjiżna

Il-partit jappella biex Malta jkollha inqas dipendenza fuq il-ħażna tal-enerġija mill-Unjoni Ewropea

 

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo u d-Deputat Segretaju Ġenerali Sandra Gauci f'konferenza stampa f'Ħal Qormi saħqu li biż-żidiet "sfrenati fil-prezzijiet essenzjali li mistennija jkomplu fix-xhur li ġejjin minħabba l-impatt ekonomiku mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna", Malta għanda tikseb sigurtà fil-ġenerazzjoni tal-enerġija f’pajjiżna billi żżid aktar investiment f’enerġija rinnovabbli, ġenerata lokalment.

Cacopardo u Gauci jgħidu wkoll, li b'mod partikolari issa, "f’dawn iż-żmenijiet ta’ inċertezza kbira hemm il-ħtieġa li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata ukoll f’nofs is-sena." 

“il-Gvern għandu l-obbligu li dak li jseħħ f’pajjiżna jitmexxa b’mod għaqli. Irridu paga diċenti bi dritt u mhux il-manna mis-sema fil-forma taċ-ċekkijiet waqt kampanja elettorali. Il-gvern ġdid għandu juri li bil-fatti huwa Gvern li jisma’ u jwettaq dawn il-miżuri hekk kif jitlaqqa’ il-Parlament,” temmet tgħid Gauci.

Gauci qalet li bħalissa kulħadd qed jinnota żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali għall-ħajja. "Kull xahar dan il-piż qed ikompli aktar jagħfas l-isfel lill-batut li l-uniku kapriċċ li baqagħlu hu li jitrejjaq. Imsieken min bil-paga minima jrid jipprova jkampa xahar sħiħ speċjalment dawk li għandhom xi allerġiji għal ikel partikolari jew dawk li għandhom trabi u tfal żgħar, meta l-prezzijiet ta’ affarijiet bħal ħrieqi u trab tal-ħalib komplew jisparaw ‘l fuq." 

Hija kompliet tgħid li filwaqt li l-Gvern ma għandux kontroll dwar x’jiġri barra minn Malta, għandu kontroll dwar x’jiġri f'Malta.

Jgħidu li l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna kompliet tagħfas il-morsa fuq ċertu produtturi li mhux dejjem possibli għalihom li jgħaddu ż-żidiet fl-ispejjeż lill-konsumatur. Gauci żiedet tgħid li kumpaniji li l-produzzjoni tagħhom tiddependi fuq l-użu tal-qamħ u ż-żejt tal-ikel intlaqtu ħażin ukoll. Barra minn hekk qalet li xi pajjizi qegħdin jaħżnu dak li s-soltu kienu jesportaw peress li ħadd ma jaf kemm dan il-kunflitt se jdum għaddej.

Min-naħa l-oħra Cacopardo qal li anke minħabba s-sigurtà ta’ pajjiżna huwa importanti li jkollna l-akbar ammont ta’ enerġija, nadifa u rinovabbli, ġġenerata lokalment.  “Il-gwerra turina kemm hi urġenti l-indipendenza Ewropea fl-enerġija. Aħna lkoll affettwati mill-gwerra, u l-gwerra ta’ Putin turi li kwistjonijiet geo-politiċi għandhom effett negattiv kbir. Is-sovranità fl-enerġija ta’ pajjiżna għanda tiġi imħarsa u l-ADPD tingħaqad mal-appell tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u ninsistu li l-Kummissjoni Ewropea tgħaġġel il-proċess tal-bidla lejn enerġija mija fil-mija rinnovabbli. Qed nitilfu ħin prezzjuż,” insista Cacopardo.

Cacopardo saħaq li hemm bżonn li inħarsu l-agrikoltura f’pajjiżna. Jgħid li mhux talli qegħdin jintlaqtu ħażin mit-tibdil fil-klima iżda art fertili "ġiet issagrifikata għal infrastruttura tat-toroq bħal fil-każ tal-proġett tas-Central Link. Barra minn hekk, art agrikola qegħda tibda tintuża għal żvog rikreazzjonali li jkompli jnaqqas l-art ikkultivata għat-tkabbir tal-frott u l-ħxejjex."

Huwa temm jgħid li f’dawn iż-żminijiet diffiċli huwa importanti li l-agrikoltura ġewwa pajjiżna tiġi mħarsa għaliex mingħajra inbatu lkoll. 

More in Politika