Proġett pilota biex l-istabbilimenti tal-ikel jibdew jisseparaw l-iskart organiku

'Din hija sfida li rridu ndawruha f'opportunità' - Mario Fava

Minn nhar is-Sibt 7 ta' Mejju, se jingħata bidu għall-proġett pilota li permezz tiegħu aktar stabbilimenti tal-ikel jiġu mħeġġa jisseparaw l-iskart tagħhom, b'mod speċjali dak organiku. Permezz ta' din l-inizjattiva, il-ġbir se jkun qed isir nhar ta' Sibt u Ħadd bejn is-1:00am u l-5:00am. Din qiegħda tiġi offruta bla ħlas biex tinċentiva s-separazzjoni tal-iskart organiku minn stabbilimenti tal-ikel. Dawn l-istabbilimenti jiġġeneraw kwantitajiet konsiderevoli ta' skart organiku meta mqabbla mad-djar. 

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. 

Aktar kmieni din il-ġimgħa ntbagħtet ittra uffiċjali lill-istabbilimenti kummerċjali kollha mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tinfurmahom dwar din l-inizjattiva li l-għan tagħha huwa li jiżdiedu r-rati tar-riċiklaġġ f’pajjiżna. Dan għaliex ir-riċiklaġġ tal-iskart organiku jgħin sabiex tiġi ġġenerata lura enerġija nadifa. Apparti minn hekk din l-inizjattiva se tiffaċilita t-tranżizzjoni għall-istabbilimenti tal-ikel lejn separazzoni obbligatorja tal-iskart. 

"B'dan il-proġett pilota nistennew li se jkun qed jonqos l-ammont ta' skart imħallat. Fl-istess ħin, is-settur kummerċjali se jkun qed jikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri ta' riċiklaġġ tal-iskart," qalet il-Ministru Miriam Dalli. 

Intant il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava qal li, "l-iskart organiku huwa riżorsa u allura qed nifmhu li din hija sfida li rridu ndawruha f'opportunità. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali flimkien mal-kunsilli reġjonali u lokali huma katalisti u għodda importanti f'din il-bidla li rridu nagħmlu bħala pajjiż, ilkoll flimkien." 

Stabbilimenti tal-ikel, inklużi ristoranti u snack bars li se jibbenefikaw minn dan is-servizz jeħtieġu li jisseparaw l-iskart organiku tagħhom f’boroż trasparenti jew ipoġġuh f'laned taż-żibel bit-tabella u jħalluh barra fuq il-bankina tagħhom fil-ħin indikat lilhom. Għalhekk huwa importanti li l-iskart organiku jiġi sseparat kif inhu meħtieġ biex tiġi evitata kontaminazzjoni.

Il-proġett huwa mmexxi mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża bil-kooperazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, u jagħmel parti mill-implimentazzjoni tal-Long-Term Waste Management Plan 2021-2030. 

More in Politika