Il-PN jibda jippjana biex jorganizza Kunsill Ġenerali għall-ġranet ta' wara l-Għid

Dan se jkun qed jiskatta l-proċess għall-Elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista beda l-proċess biex aktar tard dan ix-xahar ilaqqa' l-Kunsill Ġenerali tiegħu bil-għan li jibdew minnufih il-proċessi mniżżla fl-istatut kemm biex issir elezzjoni għall-Kap u anke biex jiġu eletti l-uffiċjali l-oħra tal-Partit.

Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw mas-sit illum.com.mt li fl-aħħar ħin saret l-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari anke jekk fadal isiru l-elezzjonijiet każwali u anke jitħaddem il-mekkaniżmu tal-ġeneru.

Saret ukoll laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista biex malajr kemm jista' jkun issir laqgħa tal-Eżekuttiv. Madanakollu biex dan jitlaqqa', il-PN qed jistenna li l-Grupp Parlamentari jkun komplut hekk kif l-elezzjonijiet każwali tal-PN mistennija jsiru kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

Fil-fatt, il-PN fadallu jeleġġi 13-il Deputat, kemm bl-elezzjoni każwali u anke bil-mekkaniżmu tal-ġeneru. Meta jkun iffurmat il-Grupp Parlamentari, dak ikun jista' jivvota biex jagħżel lil dawk id-Deputati li se jkunu parti mill-Eżekuttiv.

Għalhekk, qabel jintemm dan il-proċess, ma tistax tittieħed deċiżjoni dwar meta se jkun qed jiltaqa' l-Kunsill Ġenerali, anke jekk it-tir huwa li dan isir ftit jiem wara l-Għid.

Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiskatta l-proċess, imniżżel fl-istatut, biex il-PN jeleġġi lill-Kap tiegħu. Bernard Grech, meta tħabbret ir-rebħa tal-Partit Laburista, minnufih ħabbar li kien se jikkontesta u se jitlob mandat b'saħħtu biex ikompli jmexxi l-PN.

Jekk ħadd ma jikkontesta kontra Bernard Grech, ma jivvotawx it-tesserati imma jivvotaw biss il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika