Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li meta ssir l-elezzjoni għall-Kap, jekk hemm xi ħadd li jrid jagħti sehmu wkoll f’din it-tiġrija jista’ jagħmel dan u huwa milqugħ.
Grech qal dan f’kummenti mas-sit illum.com.mt waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.
Dan is-sit fakkar lil Grech li l-istatut tal-PN jgħid iswed fuq l-abjad li wara li l-partit jitlef Elezzjoni Ġenerali, ma ssirx sempliċiment konferma imma elezzjoni għall-Kap. Dan ifisser li aktar nies jistgħu jikkontestaw din l-elezzjoni.
Għalhekk, l-ILLUM tistaqsih jekk dan jistax iwassal biex il-PN jerġa’ jispiċċa maqsum bejn aktar minn fazzjoni waħda u terġa’ tirritorna l-kwistjoni tal-firda.
Bernard Grech ikkonferma dak li qal immedjatament wara li kkonċeda t-telfa, jiġifieri li se jkun qed jitfa’ ismu biex ikun ikkonfermat bħala Kap.
“Ftit aktar minn sena ilu jiena ddeċidejt li nagħti s-servizz tiegħi lil dan il-partit u dan il-pajjiż. Qatt ma għidt li wara sena se nkun qiegħed naħrab jekk l-affarijiet ma jmorrux tajjeb. Jiena fil-mument diffiċli ħriġt biex nagħmel xi ħaġa u f’dan il-mument diffiċli nagħmel hekk ukoll,” insista Grech.
Kien hawn li saħaq li jekk ikun hemm min jersaq ‘il quddiem, merħba bih. Insista li dan huwa l-mument fejn aktar nies jersqu lejn il-PN biex mhux biss jaraw x’seħħ ħażin imma anke x’jistgħu jagħmlu.
“Dan biex mhux il-partit biss ikun aktar b’saħħtu imma anke l-pajjiż u d-demokrazija,” insista Grech.
Kien immedjatament wara li tħabbar ir-riżultat li Bernard Grech qal, f’messaġġ irrekordjat, li se jkun qed jitlob 'mandat b'saħħtu' biex jibqa' jmexxi lill-Partit Nazzjonalista minkejja t-telfa kbira u ddiżapuntanti li ġarrab.
"Se nibqa' hemm u naħdem bis-sħiħ. Se nibqa' hemm u se nibqa' nagħti ħilti kollha," saħaq Grech. Għalhekk ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jmur quddiem l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista biex ikun ikkonfermat bħala Kap.
'Il-Partit Nazzjonalista għadu b'saħħtu'
Dwar id-distakk, il-Kap Nazzjonalista saħaq kif minkejja t-telfa, "il-Partit Nazzjonalista għadu b'saħħtu" u għadu relevanti.
Insista kif minkejja li l-Partit Laburista kien qed ibassar rebħa ta' aktar minn żewġ terzi, dan ma seħħx.
"Nirringrazzja lill-eluf kbar ta' votanti li għażlu u taw fiduċja lill-PN minkejja kull attentat, inkluż fl-aħħar ġimgħa u nofs, anke meta nħarġu ċekkijiet biex ikun influwenzat l-elettorat," insista Grech. "Għamilna kampanja pożittiva u li permess tagħha wassalna l-viżjoni tagħna."
Insista li l-PN se jibqa' jaħdem biex jagħti vuċi lil "dawk l-eluf" li taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista u anke lil dawk li fi kliemu huma d-distakkati mill-politika għax ma ħarġux jivvotaw.
Fiż-żjara tiegħu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti, xi ħaġa li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ma kienx għamel (fl-2017), Bernard Grech sellem wieħed wieħed lid-delegati, lill-kandidati u lill-voluntiera kollha tal-Partit Nazzjonalista. Huwa sellem u awgura lid-delegati tal-Partit Laburista.