Elezzjoni każwali PL | Cutajar u Bedingfield mill-ġdid fil-Parlament u eletti wkoll sitt Deputati ġodda
L-elezzjoni każwali tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed issir il-ġimgħa d-dieħla
minn Yendrick Cioffi
Illum saret l-elezzjoni każwali biex ikunu eletti tmien kandidati oħra għall-Partit Laburista.
L-elezzjoni każwali saret biex jimtela' l-post ta' dawk il-kandidati li jkunu ġew eletti minn żewġ distretti u allura jkunu ċedew wieħed mid-distretti.
Rosianne Cutajar mill-ġdid fil-Parlament
Fost l-ewwel li ġew eletti kien hemm l-eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li ħadet sehem fl-elezzjoni każwali fuq is-sitt distrett għas-siġġu li ċeda Ian Borg.
Cutajar kienet irriżenjat b’mod temporanju minn minn Segretarju Parlamentari wara allegazzjonijiet li ħadet flus b’rabta ma’ dan il-ftehim mingħand l-istess Fenech.
Cutajar dejjem ċaħdet li rċeviet senserija u li dan id-dħul ma ddikjaratux fid-dikjrazzjoni tal-assi. Hi kienet qalet li €9,000 li rċeviet mingħand Yorgen Fenech kienu rigal ta’ għeluq snina. Is-sid tal-proprjetà qed jisħaq li Cutajar ħadet €46,500 f’sesnerija u qed ifittixha għax iridhom lura.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ma kienx emminha u saħaq li kisret il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjaratx dan id-dħul. Kien dan li wassal biex ir-riżenja tagħha ssir waħda permanenti.
Glenn Bedingfield mill-ġdid fil-Parlament
L-eks Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista wkoll ġie elett fl-elezzjoni każwali.
Bedingfield ġie elett fl-elezzjoni każwali fuq it-tieni distrett għas-siġġu li ċeda l-Ministru Clyde Caruana. Dan ifisser li Oliver Scicluna, li kien ġie co-opted fil-Parlament, ma ġiex elett.
Tliet Sindki Laburisti jsibu posthom fil-Parlament
Apparti Cutajar, eletti minnufih f'din l-elezzjoni każwali kienu Malcom Agius Galea li huwa s-Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ, Romilda Baldacchino Zarb li hija s-Sindku tal-Mosta u Omar Farrugia li huwa s-Sindku tal-Imqabba.
Malcom Agius Galea tela fl-elezzjoni każwali li saret fuq is-sitt distrett għas-siġġu li ċeda l-Ministru Silvio Schembri
Romilda Baldacchino Zarb telgħet fl-elezzjoni każwali li saret fuq il-ħdax-il distrett għas-siġġu li ċediet il-Ministru Miriam Dalli
Omar Farrugia tela fl-elezzjoni każwali li saret fuq il-ħames distrett għas-siġġu li ċeda l-Prim Ministru Robert Abela.
Eletti wkoll Katya Degiovanni, Ray Abela u Rebecca Buttigieg
Wiċċ ġdid ieħor għall-Partit Laburista se tkun Katya Degiovanni
Degiovanni ġiet eletta fl-elezzjoni każwali li saret fuq ir-raba' distrett għas-siġġu li ċeda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Immedjatament warajha kien elett Ray Abela. Abela ġie elett fuq it-tielet distrett fl-elezzjoni każwali wara li ċeda s-siġġu l-Ministru Owen Bonnici. Dan ifisser li Jean Claude Micallef ma ġiex elett u għalhekk mhux se jirritorna fil-Parlament.
Rebekka Buttigieg ġiet eletta fl-elezzjoni każwali li saret fuq id-disa' distrett għas-siġġi li ċeda l-Ministru Clifton Grima.
Issa xi jmiss?
L-elezzjoni każwali għall-Partit Nazzjonalista se tkun qed ssir il-ġimgħa d-dieħla.
Wara li jintemm dan il-proċess ikun jista' jitħaddem għall-ewwel darba l-mekkaniżmu tal-ġeneru li jista' jara lill-Parlament jiżdied bi tnax-il Deputat kollha kemm huma nisa.