Analiżi | Is-sinjali mill-elettorat li l-Labour ma jistax jinjora minkejja r-rebħa kbira li kiseb
Il-Labour rebaħ u rebaħ bil-kbir, mela l-poplu wera' ċar li lilu jafda biex imexxi. Imma sinjali l-votanti qed jibgħatu wkoll. Madwar 30,000 persuna iktar mill-2017 ma vvotawx jew ħassru l-vot, hemm il-biża' tal-arroganza u l-apsettativi huma għoljin...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u bil-kbir imma dan ma jfissirx li kollox huwa ward u żgħar, ma jfissirx lanqas illi l-Partit Laburista ma għandux għaliex huwa wkoll, jaqra s-sinjali taż-żminijiet u s-sinjali li bagħat l-elettorat.
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mis-sitwazzjonijiet u realtajiet li l-Partit Laburista u Robert Abela jkun tajjeb li joqgħod ferm attent minnhom, jekk ma jridx li s-saħħa u l-leġittimità li kiseb ssirlu suf fis-snin li ġejjin.
Minkejja r-rebħa kbira li kiseb il-Partit Laburista eluf xorta baqgħu ma vvotax, eluf ta' Laburisti oħrajn vvutaw biss wara li ċemplilhom il-partit, deputat jew saħansitra l-Prim Ministru innifsu - filwaqt li kien jidher (għalkemm ma għandniex statistika fattwali dwar dan) li kien hemm numru ġmielu ta' votanti li taw il-'1' u waqfu jew li taw il-'1' lill-PL u komplew fuq partiti oħrajn. Dan huwa sinjal ta' votanti li qed jagħtu l-aħħar ċans u li vvotaw primarjament lil kandidat partikolari aktar milli lill-partit innifsu.
Id-dwejjaq u diżillużjoni f'madwar 60,000 vot
L-ewwel li jrid jevalwa l-Partit Laburista huwa kif f'din l-elezzjoni bejn dawk li lanqas biss ġabru l-vot (14,473), dawk li nvalidaw il-vot (8,802) u dawk li sempliċiment ma marrux jivvotaw (36,000) ikun ifisser li madwar 60,000 persuna lanqas biss ipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju demokratiku. Dan meta n-numru ta' nies li ma vvotawx, ma ġabrux il-vot jew inkella li invalidaw il-vot fl-2017 kien ta' 31,191. Dan allura jfisser li n-nies li ma vvotawx jew ħassru l-vot irdoppja u jekk kellna noqgħodu fuq in-narrattiva taż-żewġ partiti huwa ċar illi kiek mhux għax iż-żewġ partiti ħarġu mijiet jew eluf ta' votanti fl-aħħar ġimagħtejn, dawk is-60,000 kienu jkunu ħafna aktar.
Dan ifisser illi fl-2027 il-Partit Laburista ma jistax ma jiħux konjizzjoni ta' dawn il-madwar 30,000 votant aktar li għażlu li jibqgħu d-dar jew iħassru l-vot, jifhem għaliex baqgħu d-dar u jara li f'elezzjoni oħra dawn ma jispiċċawx eventwalment jivvotaw PN.
Hemm diversi raġunijiet għaliex eluf baqgħu ma vvotawx. Jista' jkun li ħafna qatgħu qalbhom mill-politika, ħafna li kienu xebgħu minn Nazzjonalisti fl-2013 pero' sfaw migdumin jew ħassewhom traduti minħabba elenku ta' skandli jew l-assassinju ta' ġurnalista. Nies li iżda ma jarawx alternattiva fil-PN, mhux biss fuq il-governanza imma anke fuq l-ambjent, biex insemmu
Il-PN u l-PL wettqu kampanja qawwija fir-rigward tal-ambjent, għax jafu li fost eluf ta' votanti jeżisti dwejjaq partikolari fuq dan is-suġġett, dwejjaq fuq żvilupp bla rażan u l-inkonvenjent li jġib miegħu, il-bidla fix-xenarju u l-iskyline tal-irħula u t-trabijiet li dan ix-xogħol qed jikkawża.
Jista' jkun li fost dawn in-nies hemm uħud li sofrew inġustizzja kbira u reali li baqgħet qatt ma tranġat u li ma kinux se jivvutaw għax xi ħadd mill-PL iwegħdhom li se jirranġaha fl-aħħar ħin, jew nies li huma mweġġa' bit-tneħħija ta' Adrian Delia minn Kap tal-PN u kitbu 'No Delia. No Vote.' Kien hemm allura min sempliċiment iddeċieda li jneħħi l-attenzjoni kollha tiegħu minn fuq il-politika lokali f'sinjal ta' qtigħ ta' qalb.
Din kienet kampanja elettorali mmarkata b'ħafna diżillużjoni u apatija, kif ukoll nuqqas ta' ħeġġa - minn ħafna Nazzjonalisti u anke ħafna Laburisti. Dan fil-fatt wassal biex il-PL naqqas 9,000 vot u l-PN madwar 12,000 vot meta mqabbel mal-2017.
Jista' jkun illi fost dawk il-votanti Nazzjonalisti li ma ħarġux jivvotaw kien hemm ħafna li ħassew illi r-rebħa Laburista hija ċerta u allura ftit kien hemm ħeġġa biex jivvotaw. Jista' jkun ukoll li bħalma kien hemm Laburisti mdejqin u mxebbgħin bil-partit, kien hemm ukoll Nazzjonalisti li la kienu partikolarment eċitati bid-direzzjoni tal-PN u lanqas ta' Bernard Grech!
Dan huwa volum ta' votanti li ma jistax ikun issottovalutat u li se jiddeċiedi fl-elezzjoni li jmiss skont kif se jiggverna l-Labour issa u kemm se jinbidel il-Partit Nazzjonalista. Jekk il-Gvern ma jitgħallimx mill-iżbalji tiegħu, jekk l-arroganza terfa' rasha jew jekk il-Partit Laburista ma jżommx ma' dak li wiegħed fil-manifest jidħol fir-riskju li jaljena ħafna minn dawn il-madwar 30,000 votant li eventwalment jafu jispiċċaw jerġgħu ma jivvotawx jew inkella saħsnitra jivvotaw lill-PN.
L-arroganza: Theddida reali!
L-elezzjoni tat is-sitt rebħa Laburista sa mill-2009, li kienet taqbeż id-distakk ta' 33,000 vot - distakki li lanqas biss konna noħolmu bihom sa qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew propju dik is-sena.
Fl-2013 l-argument ta' bosta kien illi wasal żmien il-bidla wara 25 sena - interrotti b'sentejn bejn 1996 u 1998 - ta' Gvern Nazzjonalista u allura kien żmien propizju biex tinqaleb il-folja. Allura dik it-telfa anke jekk kienet kbira ħafna, kienet xi ftit jew wisq mistennija. Inqas mistennija kienet dik tal-2017 meta żewġ persuni fil-qofol tat-tmexxija tal-Gvern - Keith Schembri u Konrad Mizzi - kien diġà rriżulta illi kellhom kumpaniji fil-Panama u kien hemm diversi allegazzjonijiet u akkużi mdendlin fuq it-tmexxija Laburista, b'mod speċjali dik fir-rigward ta' Egrant.
Għall-elezzjoni tas-Sibt 26 ta' Marzu l-idea u l-perċezzjoni popolari kienet diġà illi l-Partit Laburista se jirbaħ - jiġifieri ftit li xejn kien hemm min jemmen li l-PN verament kellu ċans jaqlibha lil-Labour. Li ma kienx mistenni (anke jekk ċerti sondaġġi kienu qed jindikaw) huwa d-daqs tad-distakk - jiġifieri li dan saħansitra qabeż id-distakki rekord kollha ta' Joseph Muscat f'elezzjonijiet ġenerali u kien viċin l-40,000 vot. Fir-realtà huwa t-tieni l-akbar distakk f'elezzjoni nazzjonali, hekk kif l-akbar differenza kienet dik fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019, meta l-Labour rebaħ b'42,656 vot.
Dan ix-xenarju kollu jfisser ħaġa waħda, li fost l-għeruq daħlet l-idea li l-Labour ma jista' jirbaħlu ħadd u li "jagħmel x'jagħmel se jibqa' jirbaħ." Dan huwa ħsieb perikoluż ħafna - fis-sens li jwassal biex ħafna jemmnu u jaħsbu li kollox huwa aċċettabbli, inkluż l-arroganza.
Mhux ta' b'xejn allura li fl-ewwel okkażjoni li jitkellem quddiem il-folol tal-Laburisti Abela ndirizza propja l-arroganza u qal illi mhux se jittolleraha fil-Gvern li jmexxi.
Abela għandu tragward x'jilħaq u dan huwa li jipprova għall-kuntrarju tal-perċezzjoni u tħassib, anke fost votanti Laburisti mhux akkaniti, illi maġġoranzi ta' dan id-daqs ma jwasslux biex il-politiku tikbirlu rasu. Din hija sfida aktar diffiċli milli wieħed jaħseb għax bid-distakk kif inhu huwa faċli li persuni fiċ-ċivil, nies qrib Ministri u oħrajn qrib il-poter jitlgħalhom xi ftit għal rashom u kif tgħid l-espressjoni jaraw lin-nies dubbien.
Dwejjaq intern wara l-formazzjoni tal-Kabinett
Il-Partit Laburista - imma b'mod speċjali Robert Abela - irid joqgħod attent minn bruda u dwejjaq li jista' jinħoloq wara l-formazzjoni tal-Kabinett, sensazzjoni li tqum wara kull ħatra tal-kabinett, fil-verità.
Id-differenza hija li mexxej jista' "jieħu ħsieb" lil dawk li ħalla barra jew inkella jista' jitfagħhom fil-ġenb. U huwa hawn fejn Abela jrid ikun attent.
Minkejja li l-poplu tah is-saħħa u l-leġittimità neċessarja biex jifforma l-Gvern kif hu jħoss l-aħjar kummenti bħal "m'għadhomx jistgħu jagħtu kontribut b'saħħtu" f'referenza għal dawk il-kandidati li tħallew barra mill-Kabinett huwa biss melħ fuq ferita żgħira li iżda tista' tibqa' tikber.
Grupp politiku ta' nies diversi b'ambizzjonijiet differenti żżommu kumpatt billi tagħraf iżżomm ekwilibriju tajjeb u kemm jista' jkun lil kulħadd kuntent, mhux tnaffar. Għax kummenti bħal dawk ta' Abela jistgħu fil-futur jigdmuh lura, meta l-aktar li jkollu bżonn l-appoġġ tal-grupp kollu.
Kwistjonijiet mhux magħluqa li jafu jkidduh...
Apparti l-ovvju - jiġifieri l-isfida tal-għoli tal-ħajja u anke l-gwerra tal-Ukrajna u l-Covid-19, li għadha tberren fl-isfond - hemm kwistjonijiet li għadhom mhux magħluqin u li Abela jaf ikollu jiffaċċja u jitkellem dwarhom anke jekk huma skomdi u anke jekk ma huwiex hu responsabbli għalihom.
L-ewwelnett hemm il-każ ta' Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta' Yorgen Fenech. Kważi kull xhieda f'dan il-każ kienet dannuża u tkun dannuża aktar jekk Fenech jerġa' jimplika lil xi ħadd li kien fil-politika u kien qrib jew saħansitra fil-Partit Laburista. Ikun ta' dannu mill-ġdid għall-Partit Laburista u għal Abela, li naturalment ikollu jwieġeb u jirreaġixxi. Is-'salvazzjoni' politika tal-Mexxej Laburista - jekk tista' ssejħilha hekk - hija li Abela qaċċat l-elementi kollha li kienu b'xi mod marbutin mal-iskandli u d-dubji ta' żmien Muscat: Keith Schembri, Konrad Mizzi, l-eks Kummissarju Lawrence Cuatajr u Neville Gafa', kollha spiċċaw barra sigħat jew ġimgħat wara li Abela sar Prim Ministru. Dan filwaqt li neħħa mill-Kabinett ħafna mill-Ministri li jew tkellmu ma' Yorgen Fenech meta kien magħruf li dan huwa sid 17 Black jew saħansitra għamlu ftehimiet miegħu bħal Rosianne Cutajar u anke Edward Zammit Lewis - li ħallieh barra mill-Kabinett mħabbar din il-ġimgħa. Kif neħħa lil Justyne Caruana għal darba darbtejn fuq akkużi meqjusin sfaċċati ta' nepotiżmu u anke lil Edward Scicluna illi anke jekk qatt ma kellu akkużi u allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu, xorta kien Ministru tal-Finanzi meta l-Gvern ħa passi kontroversjali, bħall-ftehim mal-VGH.
Jiġifieri jekk mill-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia joħroġ xi skeletru tal-passat Abela jista' jgħid li dawk kollha fil-qalba tal-Gvern ta' Muscat meta seħħ l-assassinju ma għadhomx jiffurmaw parti mill-partit u lanqas mill-Kabinett tiegħu.
Pero' hemm ukoll l-akkużi dwar is-serqa tal-HSBC fl-2010 u l-allegazzjonijiet dejjem miċħuda illi Carmelo Abela kien involut billi għadda xi ċavetta għas-safe biex tkun tista' ssir din is-serqa. Abela tħalla barra mill-Kabinett ffurmat din il-ġimgħa.
Hemm ukoll l-inkjesta miftuħa dwar Joseph Muscat u flus li irċieva minn xogħol li ħa minn Accutor - kumpanija li kienet taħdem mal-VGH meta din kellha tliet sptarijiet taħt idejha f'Malta. Minkejja tfittxija fir-residenza ta' Muscat mill-pulizija sa issa ma nstema' xejn aktar. Minkejja r-rebħa kbira ta' Abela, Muscat xorta jibqa' saħħa politika konsiderevoli u allura dell fuqu huwa dell ikrah fuq il-PL.
U finalment hemm l-FATF. Minkejja li d-dnubiet li wassluna biex spiċċajna f'din il-lista qajla jistgħu jintefgħu fuq ħoġor Abela, f'April Malta trid toqgħod għal dan it-test importanti - li assolutament ma tistax li tfalli! Minkejja li l-indikazzjonijiet huma tajbin, bil-Gvern ta' Abela jwettaq ħidma rikonoxxuta mill-Moneyval, il-Kummissjoni Venezja u issa anke l-FATF innifisha - jekk f'April Malta ma titneħħiex minn din il-lista din tkun daqqa kbira għal pajjiżna u għall-ekonomija tagħna. Tkun tfisser ukoll daqqa kbira għall-ambizzjonijiet ekonomiċi ta' dan il-pajjiż li qed jserraħ fuq it-tkabbir ekonomiku, il-konsum, it-turiżmu u l-'feel good factor' sabiex il-Partit Laburista fil-Gvern jibqa' jħaddem il-politika ta' tnaqqis ta' taxxi, ċekkijiet u inċentivi.
L-aspettativi huma għoljin!
Il-Labour irid jitfakar ukoll illi l-aspettativi issa għall-Gvern u għal Robert Abela huma għoljin. Primarjament l-aspettativi ekonomiċi għall-kuntrarju ta' xhur ta' negozju magħluq, restrizzjonijiet u inċertezza. Issa ħafna negozji qed jistennew xhur ta' bonanza ekonomika, bonanza turistika u allura bonanza ta' xogħol u flus fil-but. On the ground, it-turiżmu jidher li diġà beda jiċċaqlaq u dan huwa sinjal pożittiv, meta tqis li x-xahar id-dieħel Malta tibda dieħla fl-aktar xhur kruċjali tas-sajf.
Żelqa hawn jew inkella ritorn għal restrizzjonijiet issa - speċjalment wara kampanja illi matulha saru attivitajiet tal-massa u li fihom iltaqgħu folol kbar - inkluż ġewwa - żgur li jintlaqgħu b'ħafna rabja u reżistenza.
L-aspettattivi huma għoljin ukoll fil-każ tal-ambjent fuq żewġ binarji. L-ewwel binarju huwa dak li jitratta l-wegħdi elettorali, speċjalment il-proġett ta' Triq Sant'Anna. Dan għandu jkun il-proġett maġġuri li jimmarka din il-leġiżlatura minn oħrajn hekk kif il-pedestrijanizzazzjoni ta' din it-triq tkun verament spazju daqstant ċentrali mogħti lin-nies filwaqt li jkun proġett li jagħti l-ħajja u jbiddel id-dimensjoni soċjali u anke ambjentali tal-Furjana.
Naturalment iżda l-aspettativi huma għoljin ukoll f'dak li jirrigwarda l-ambjent in ġenerali u hawhekk allura tidħol fix-xena l-Ministru l-ġdid tal-Ambjent u Enerġija Miriam Dalli. L-aspettativi għal Dalli huma għoljin ħafna, għal diversi raġunijiet u allura kontinwità assoluta tal-qerda u żvilupp kontinwu li rajna fl-aħħar xhur tkun diżappunt qawwi.
L-aspettativi huma għoljin ukoll f'dak li jirrigwarda l-indafa u l-etika fil-politika. Issa ma hemmx aktar skużi! Issa Abela kiseb il-mandat u l-leġittimità b'saħħitha li kellu bżonn biex jinqata' mil-legat ta' Muscat u jibni wieħed għalih hu u allura kull deċiżjoni żbaljata jew inkella inazzjoni quddiem skandlu minn Ministriu kurrenti jkun attribwit għalih u t-tmexxija tiegħu.
L-aspettativi allura f'dan is-sens huma għoljin, speċjalment fil-każ ta' membri ġodda: Primarjament Jonathan Attard - li mix-xejn mhux talli ġie elett, talli se jingħata wieħed mill-aktar Ministeri kruċjali u sensittivi (Ġustizzja). Miegħu Keith Azzopardi Tanti, Chris Bonnett u Alison Zerafa Civelli.