Fin-Naxxar nhar il-Ħadd: Mill-effett tal-'1' sal-mekkaniżmu tal-ġeneru

Kif insiru nafu daqstant kmieni min rebaħ? Jekk nivvota '1' u nitlaq 'l barra xi jfisser? U għaliex il-partiti jinsisitu biex il-votanti jivvotaw lill-kandidati kollha tal-partit? U jekk it-'2' nagħtih lil partit żgħir?

Il-Ħadd Malta kollha tkun imwaħħla mat-televiżjoni u l-laptops - anke dawk li l-politika ma tinteressahomx wisq. Id-deni jilħaq xi ftit ta' qofol u kulħadd isegwi vot, vot sakemm jitħabbar ir-riżultat. Imma l-vot tagħna għalfejn bin-numri lill-kandidati? U għalfejn dan il-ħafna għaġebh mill-PN u l-PL biex kulħadd jivvota lill-kandidati kollha tal-partit? X'differenza se tagħmel?

L-ILLUM titkellem mal-eks Deputat Dr Hermann Schiavone - espert tas-sistema elettorali u analist politiku li jispeċjalizza l-aktar fl-analiżi tas-sondaġġi.

Għaliex il-partiti jgħidulna biex nivvutaw lill-kandidati kollha? X'inhi r-raġuni? 

Aħna għandna s-sistema li tissejjaħ is-Single Transferable Vote. Mela kull min jivvota jista' jagħti aktar minn preferenza waħda (Mill-'1" sa kemm hemm kandidati fuq il-lista). Din is-sistema tiggarantixxi li l-vot tiegħek jibqa' jintiret u allura jibqa' jgħodd ħalli jekk il-persuna li inti tajt il-'1' tkun eletta jew taqa' dak il-vot imur fuq it-'2' u jekk dak ikun elett jew ikun waqa' imur fuq it-'3' u jibqa' sejjer hekk. 

L-insistenza tal-partiti biex nivvutaw lill-kandidati kollha ġejja minn qabel l-1987 meta kien hemm qbil fuq emendi kostituzzjonali sabiex l-ewwel għadd imbagħad dar vot għall-partit u b'hekk ma jkunux il-kandidati li jiddeterminaw il-governabilità.

Illum l-insistenza hija aktar fuq bażi ta' rispett u kolleġjalità aktar minn kollox, hekk kif in-numru ta' unijiet jidddtermina min ikun fil-Gvern, li allura awtomatikament ikollu maġġoranza ta' siġġijiet parlamentari. 

Jekk persuna tmur taghmel '1' u titlaq. X'ifisser? 

Fis-sistema tagħna il-'1' ifisser li inti qed tagħmel l-għażla dwar liema Gvern tixtieq. Jekk il-kandidat li tkun il-'1' ma jaqax, jibqa' jiġi utilizzat il-vot tiegħek - naturalment sakemm jiġi elett jew il-kandidat jaqa'. Jekk imma jiġi elett, dak il-vot imbagħad ma jibqax trasferibbli. 

Jiena l-'1' se nagħtih lil partit kbir. Imma nixtieq nagħti t-'2' lil partit żgħir. Jiena lil dan il-partiti qed ngħinu jikseb siġġu? 

Jiddependi lil min tagħti l-ewwel preferenza u jekk dan jaqax qabel fil-proċess tal-għadd jew le. Jekk il-'1' tajtu lil xi ħadd li qabeż il-kwota mill-ewwel, allura dak jaqa' u t-'2' imur għand il-kandidat tat-tieni preferenza tiegħek.  Imbagħad dak il-kandidat jieħu voti skont kemm il-persuna eletta tkun qabżet il-kwota. 

Mela jekk il-kwota hija 4,000 vot u l-kandidat li lilu tajt il-'1' iġib 8,000, dan ikun ifisser li ġab żewġ kwoti u allura meta jaqa', għal kull żewġ duwijiet il-kandidat tat-tieni preferenza tiegħek jieħu vot. Jekk ikollu tliet kwoti, għal kull tlieta jieħu wieħed. 

Dan ifisser li jekk inti tivvota lil Robert Abela u it-'2' tagħtih lill-ADPD jew tivvota lil Bernard Grech u t-'2' tagħtih lil Arnold Cassola, l-ADPD u Cassola jieħdu duwijiet skont il-proporzjon li biha Abela jew Grech ikunu qabżu l-kwota. 

Jekk ma tinqabiżx il-kwota tal-persuna li lilha tajt il-'1' meta evetwalment jaqa' d-duwijiet tiegħu jmorru kollha skont kif mogħtija (mhux bi proporzjon). 

Il-periklu huwa li meta jaqa' l-kandidat preferut tiegħek jista' jkun jaqbeż il-kwota bi ftit voti biss u allura l-effett tat-'2' tiegħek ikun negliġibbli. 

Dan kif minn daqstant kmieni inkunu nafu min rebaħ? Ikunu għadhom bilkemm bdew jgħoddu!

Issa nħarsu lejn l-għadd. 

Matul il-lejl il-partiti ġeneralment jibda jkollhom l-ewwel idea. Dan hekk kif jibdew jinħarġu pakketti ta' 50 vot fuq l-imwejjed u jibdew jitpoġġew rashom l-isfel. Fil-proċess dawk in-nies li jkunu mal-perspex ikunu qed jgħoddu u jieħdu l-indikazzjoni minn dak li jkunu qed jaraw waqt dan il-proċess. Mela hemmhekk diġà jkun hemm l-ewwel indikazzjonijiet. 

Meta jibda l-għadd imbagħad l-aġenti tal-partiti jibdew jieħdu samples ta' 50 vot minn kull kaxxa u hawnhekk ikollok sample enormi li jagħti stampa ċara u li ftit li xejn tista' tinbidel. Jekk id-differenza bejn il-partiti tkun kbira - kif kienet fl-elezzjonijiet kollha nazzjonali sa mill-2009 - partit ikun jista' jiddikjara rebħa b'indikazzjoni ta' kemm se tkun kbira r-rebħa. 

Dan ikun qisu super-sondaġġ ta' madwar 5,000 persuna minn madwar 570 kaxxa. 

Qabel il-proċess kollu - meta kien manwali  - kien idum sa tliet ijiem, iżda illum minħabba li l-għadd sar elettroniku, sal-Ħadd waranofsinhar ikun magħruf min huma d-Deputati eletti. 

X'inhi elezzjoni każwali? 

Is-sistema elettorali lokali tippermetti li kandidat jista' joħroġ fuq żewġ distretti u allura hemm dik li tissejjaħ elezzjoni każwali, meta kandidat iwaqqa' distrett mit-tnejn li fihom tela' u minfloku jidħol il-kandidat li jiġi warajh f'termini ta' voti. Ir-riżultat tal-elezzjoni każwali jkun magħruf madwar tliet ġimgħat wara hekk kif huma l-partiti politiċi li jiddeċiedu min se jwaqqa' liema distrett. 

Schiavone jgħid li l-PN ippropona, meta kienet qed tiġi diskussa din ir-riforma ftit snin ilu, illi l-kandidat awtomatikament jaqgħalu dak id-distrett illi fih jikseb l-inqas numru ta' voti mit-tnejn, iżda dwar dan ma kienx hemm qbil. 

Wara li jingħalaq il-proċess kollu fis-sala tal-Għadd tal-Voti jinħadem ukoll il-mekkaniżmu ta' proporzjonalità li permezz tiegħu l-partiti jingħataw aktar siġġijiet biex b'hekk l-ammont t-totali ta' deputati jkun jirrifletti l-voti li jkun kiseb dak il-partit. 

Għall-ewwel darba se jkollna mekkaniżmu tal-ġeneru, meta se nkunu nafu liema nisa se jkunu eletti b'dan il-mekkaniżmu? 

Sal-Ħadd filgħaxija probabbilment ikunu magħrufa min huma t-12-il mara li se jkunu qed jidħlu fil-Parlament permezz ta' dan il-mekkaniżmu korrettiv. 

Il-ħaġa hi li minkejja li jkunu jafu min  se jkunu dawn in-nisa, huma jistgħu jkunu ddikjarati eletti biss wara l-elezzjoni każwali.

More in Politika