Taqtgħux qalbkom; Din hija s-siegħa tal-poplu Malti u Għawdxi ... Ejjew nagħmlu l-impossibbli, possibbli'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech b'appell imqanqal lil dawk kollha li għadhom mhux deċiżi jew ma ġabrux il-vot biex joħorġu jivvotaw kontra r-regħba li fi kliemu ħakmet lill-pajjiż fl-aħħar snin u jwiegħed futur isbaħ għal kulħadd

Bernard Grech u martu fl-aħħar Mass Rally (Ritratt: James Bianchi)
Bernard Grech u martu fl-aħħar Mass Rally (Ritratt: James Bianchi)

“Tibżgħux. Taqtgħux qalbkom. Din hija s-siegħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Oħorġu bi ħġarkom biex tivvotaw lill-PN. Ejjew nagħmlu l-impossibbli, possibbli.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’diskors imqanqal quddiem folla kbira li nġabret fi Pjazza San Ġorġ għall-aħħar mass rally tal-PN fl-għeluq tal-kampanja elettorali.

Bernard Grech iddedika tista’ tgħid id-diskors tiegħu biex jappella lil dawk kollha li għadhom mhux deċiżi kif se jivvotaw biex iħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista u jifhmu li qiegħed joffrilhom futur aħjar u tmexxija ‘il bogħod mill-arroganza u r-regħba, li fi kliemu “ħakmu” lill-pajjiż fl-aħħar snin.

Il-Kap Nazzjonalista  insista li l-pajjiż qiegħed isejjaħ lil kulħadd, għax fi kliemu “id-demokrazija reġgħet tinsab f'periklu,” minħabba l-kollass tal-istituzzjonijiet fl-aħħar snin.

 “Uru li issa huwa l-mument tagħkom. Il-mument li tqumu u turu li mhux se tħallu lil dan il-Gvern ikompli jitrattakom b’din l-arroganza. Kif għamlet, il-folla darba, qamel u għajtet Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija,” insista Grech. “Jiena għandi l-akbar fiduċja fl-għaqal tagħkom. L-akbar fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Insista għal aktar minn darba biex dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom, biex imorru issa stess u jiġbru “ċ-ċavetta li trid tiftaħ il-bibien ta’ Malta aħjar.”

Ħeġġeġ lil kulħadd biex ikomplu jikkonvinċu li l-Partit Nazzjonalista “biss” jista’ joffru futur aħjar għal Malta. Insista li kulħadd jeħtieġ jerfa’ fuqu din ir-responsabbilità, kif għamel hu meta sar Kap tal-PN.

“Xammart il-kmiem imma mhux imnieħri. Dħalt biex ngħaqqad partit u hekk għamilt. Dħalt biex nagħtikom alternattiva u hekk għamilt. Dħalt biex nagħtikom tim mimli esperjenza u araw x’tim għandna. Minkejja l-isfidi tajnikom kampanja b’saħħitha u pożittiva, mimlija enerġija,” saħaq Bernard Grech.

Il-folla fi Pjazza San Ġorġ (Ritratt: James Bianchi)
Il-folla fi Pjazza San Ġorġ (Ritratt: James Bianchi)

Ma naqasx milli jsemmi s-sondaġġi u insista li l-uniku sondaġġ veru huwa dak ta’ nhar is-Sibt li ġej. Kif għamel ħafna drabi tul il-kampanja, insista li fil-kamra tal-vot, kulħadd se jkun qiegħed waħdu.

“Is-Sibt huwa l-uniku sondaġġ li verament jgħodd. Dan huwa s-sondaġġ kunfidenzjali, li fih ma hemmx biżgħa jew theddid. Hemm sfida quddiemkom. Irridu li l-għaqal, is-sens ta’ servizz u l-għaqda nazzjonali jirbħu fuq l-arroganza u r-regħba li ħakmu lil pajjiżna. Dan huwa l-mument tagħkom,” saħaq Grech. “Bil-faħma tal-lapes tista’ tħażżeż il-futur tal-libertà għalik.”  

Staqsa wkoll għaliex il-Prim Ministru mhuwiex seren, ġaladarba, skont is-sondaġġi, għandu vantaġġ. Saħaq li Abela jrid aktar poter biex ikun jista’ jkompli “jaħtaf” waqt li reġa’ semma l-allegazzjonijiet kollha li dwarhom tkellem diversi drabi, fosthom dwar il-villa tal-Prim Ministru fiż-Żejtun u l-flus li ħa meta kien konsulent tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Insista li Abela jinsab f’dagħdiha għax-xiri tal-voti. Irrefera għall-votazzjoni fil-ħabs, li skont il-PN ma kinitx ġusta, iċ-ċekkijiet u l-permess mogħti lil Joseph Portelli.

“Illum saħansitra rema l-lingwa Maltija meta biddel ir-rekwiżiti anke għad-dħul tal-Junior College,” kompla Grech.

Jekk hemm min qed jagħti ħobża b’wiċċ il-Ministru, jekk hemm min qed jagħti ċekk, jekk hemm min qed joffri l-biża, għinu lili biex jien nagħti l-kuraġġ u t-tama għal futur aħjar

“It-test tagħna lkoll se jkun nhar is-Sibt. Din hija opportunità unika li tiġi biss darba. Ġurnatta waħda kull ħames snin. Irridu niddeċiedu, jew li nagħtu aktar poter lil Robert Abela jew li nsaħħu l-vuċi ta’ dawk kollha li jridu l-aħjar għal dan il-pajjiż. Jew se ngħidu proset lill-abbuż tal-poter li bqajna naraw sal-lum stess jew se ngħidu issa daqshekk, tibqgħux tidħku bina. Is-Sibt li ġej huwa wkoll test tagħna imma huwa wkoll test għalik,” insista il-Kap Nazzjonalista. “Għandna Prim Ministru li għandu l-passat jiġri warajh. Prim Ministru li suppost jinsab komdu imma l-imġieba tiegħu hija ta’ wieħed li qiegħed f’paniku kbir. Din hija sitwazzjoni li ma tirriflettix pajjiż membri tal-UE. L-aqwa li jieħu aktar poter f’idejh biex kollox jibqa’ l-istess jekk mhux agħar. Int tibqa’ bil-frak.”

Kompla jisħaq li l-Partit Nazzjonalista mill-ewwel ta lil dan il-pajjiż il-viżjoni tiegħu, fl-ewwel jiem tal-kampanja fi kliemu, din hija prova ta' kemm il-PN jagħmel l-affarijiet bis-serjetà.

“Tajtkom il-kelma li aħna ppreparati u hekk kien. Tajtkom il-kelma li kellna costings u hekk kien. Aħna l-kelma nżommuha dejjem,” insista Grech. “Aħna l-partit tal-Ewropa, il-partit li emmen fin-nies. Dħalna u hemm għamilna suċċess wieħed wara l-ieħor. Issa anke mill-Oppożizzjoni għamilna suċċess għax l-uniku aħbar tajba li ħarġet minn Malta fi żmien il-Labour, kienet il-ħatra ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew.

Kompla jiddeskrivi lill-PN bħala l-partit tad-drittijiet tan-nisa, id-diversità, l-edukazzjoni, l-ekonomijia, ix-xogħol u s-saħħa.

“Aħna dejjem emmina f’Malta, fil-Maltin u l-Għawdxin,” saħaq Grech. “Jekk hemm min qed jagħti ħobża b’wiċċ il-Ministru, jekk hemm min qed jagħti ċekk, jekk hemm min qed joffri l-biża, għinu lili biex jien nagħti l-kuraġġ u t-tama għal futur aħjar.”

More in Politika