Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, wiegħed paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lil dawk il-ħaddiema Għawdxin li ġew ‘ingannati’ għax mingħalihom ingħataw xogħol mal-Gvern u spiċċaw jaħdmu ma’ kuntrattur li qed iħaddimhom b’paga inqas minn persuni oħra li jagħmlu l-istess xogħol imma direttament mas-settur pubbliku.
Grech qal dan waqt business breakfast mal-komunità kummerċjali Għawdxija, hekk kif illum il-PN qed jiddedika l-ġurnata għal Għawdex u se jtemmha llejla b’mass rally fil-Belt Victoria.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista saħaq li hemm diversi ħaddiema li mingħalihom ingħataw xogħol mal-Gvern u minflok spiċċaw jaħdmu ma’ kuntrattur li jħallas biss paga minima minkejja li jieħu l-eluf mingħand il-Gvern.
Wiegħdhom li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun elett fil-Gvern, ħadd minnhom ma jitlef xogħlu, anzi kollha jiġu jaħdmu direttament mal-Gvern u jingħataw paga aħjar.
“L-ebda kuntrattur mhu se jiekol minn fuq daharkom,” saħaq Grech.
Tul id-diskors tiegħu insista li Gvern Nazzjonalista jrid jara lil Għawdex bħala gżira aktar awtonoma biex ikollha f’idha d-deċiżjonijiet marbuta kemm mal-ippjanar u anke ma’ niċeċ ekonomiċi partikolari.
Tkellem ħafna dwar l-ambjent u insista li Għawdex u l-Għawdxin ħaqqhom aħjar.
Wiegħed li tkun ikkontrollata l-kostruzzjoni f’Għawdex mingħajr ma jkollu għalfejn jindaħal il-Gvern.
“Irridu nipproteġu l-pajsaġġ uniku ta’ din il-gżira b’mod partikolari fil-periferija,” insista Bernard Grech.
Saħaq li bil-ħolqien ta’ għaxar setturi ekomiċi ġodda, min irid jaqla’ l-flus, anke f’Għawdex, se jkun jista’ jagħmel dan mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent.
“Irridu li Għawdex jibqa’ differenti minn Malta biex jibqa’ jkun attraenti għat-turisti,” insista Grech.
Fakkar ukoll fil-wiegħdiet li qiegħed jagħmel, b’mod partikolari li l-Gvern jieħu lura f’idejh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jagħti lil Għawdxin sistema ta’ saħħa ta’ kwalità u anke djar żgħar għal kura speċjalizzata fil-komunità għall-anzjani u l-persuni b’diżabbilità, fost oħtajn.
Wiegħed ukoll li jsaħħaħ il-konnessjoni bil-bini ta’ żewġ vapuri ġodda, wieħed minnhom għall-merkanzija u anke li jwettaq l-istudji u jagħmel konsultazzjoni bis-serjetà mal-Għawdxin dwar il-mina.
Saħaq ukoll li Gvern Nazzjonalista jżid mhux biss ix-xogħol ta’ kwalità imma anke l-investiment serju u dirett fil-gżira Għawdxija. Insista li fis-setturi ekonomiċi ġodda li qed iwiegħed li jwettaq, Għawdex jista’ jilgħab rwol importanti.
Fakkar fil-wiegħda li qiegħed jagħmel favur it-teleworking, b’mod partikolari għal Għawdxin u wiegħed li s-settur pubbliku se jkun qed jagħti eżempju f’dan ir-rigward.
“Irridu ninvestu wkoll f’serzizzi aħjar u nqisu lil Għawdex bħala ekonomija li trid pjan ta’ rkupru speċifiku. Irridu nattiraw lejn Għawdex kumpaniji speċifiċi li joħolqu impjiegi ta’ kwalità,” insista Grech.
L-istess fejn tidħol l-edukazzjoni, wiegħed li Gvern Nazzjonalista jbiddel lil Għawdex f’hub ta’ edukazzjoni internazzjoni.
Temm jisħaq li l-għażla li Għawdex għandu quddiemu hija waħda ċara u insista li l-PN jista’ joffri futur aħjar lil Għawdxin.