‘Trackless tram xorta teħel fit-traffiku ... il-lokalitajiet tagħna mhumiex ideali għaliha'

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Perit Konrad Xuereb, l-ewwel persuna li pproponiet sistema ta’ trasport tal-massa u tistaqsih jekk Malta għandhiex issa tmur għal sistema ta’ trackless tram li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista

“Trackless tram x’aktarx li xorta se teħel fit-traffiku.” Hekk qal mal-gazzetta ILLUM il-Perit Konrad Xuereb, espert fil-qasam tat-trasport tal-massa fost oħrajn.

Fil-fatt, il-Perit Xuereb, flimkien mal-kumpanija tiegħu KonceptX żviluppaw l-ewwel proposta għal sistema ta’ metro f’Malta lura fl-2018. 

L-ILLUM iltaqgħet miegħu biex tifhem aħjar jekk ġaladarba, fl-aħħar snin, ġiet żviluppata t-teknoloġija ta’ tramm bla binarji, il-pajjiż għandux iwarrab fil-ġenb il-metro u jmur għal sistema bħal din, li tista’ ssir f’iqsar żmien u mingħajr il-bżonn ta’ tħaffir ta’ mini. 

Bħala wieħed mill-ewwel persuni li ppropona sistema ta’ metro għal Malta, propju fl-2018, il-Perit Xuereb insista li jieħu gost jara li dan qajjem id-diskussjoni dwar il-bżonn ta’ sistema ta’ trasport tal-massa. Fakkar kif fl-aħħar xhur ġew diskussi diversi proposti, bl-aħħar waħda tkun dik għal tramm bla binarji.

“Dawn il-proposti jeħtieġ li jkunu bbażati fuq studji dettaljati jekk irridu li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb u jkun jista’ jieħu sehem f’diskussjoni nazzjonali, li tant hemm bżonn, fuq dan is-suġġett,” insista l-Perit Xuereb. “In-nefqa kbira li saret fl-aħħar snin biex jitwessgħu t-toroq waslet għal żieda qawwija fit-traffiku u anke t-tniġġis tal-arja. Sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku li tkun effettiva u li wieħed jista’ jserraħ fuqha, hija l-uniku soluzzjoni biex aktar persuni jitilqu l-karozza tagħhom.”

Saħaq li l-aktar sistema effettiva hija dik li taqdi lill-akbar ammont ta’ persuni, fl-inqas ħin possibbli, bi stazzjonijiet ibbażati l-aktar f’ċentri urbani. 

Kien hawn li l-ILLUM tistaqsih x’jaħseb dwar is-sistema ta’ tramm bla binarji li qiegħed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. Tistaqsih jekk jaħsibx li din tista’ tkun aktar vijabbli minn sistema ta’ metro, anke għax issir f’iqsar żmien.

‘Se jkun hemm bżonn li jitwessgħu t-toroq’

Il-Perit Xuereb beda jisħaq li t-trackless trams huma simili għal karozza tal-linja artikolati, bir-roti u li jaħdmu bil-batterija u li fl-aħħar snin bdew jiġu mmanifatturati minn produtturi tal-ferroviji fiċ-Ċina. Spjega kif dawn huma ggwidati b’sistema ta’ sensors ottiċi u jsegwu rotot definiti minn trakek virtwali bbażati fuq marki fuq it-triq.  Fi kliemu dawn joħolqu bilanċ bejn il-flessibbilità ta’ karozza tal-linja artikolata (jiġifieri bendy bus) u l-kapaċità li toffri tramm. 

Spjega kif dawn ġew introdotti f’xi bliet Ċiniżi, fosthom f’ Zhuzhou, Yongxiu u Yibin.

“Tramm bla binarji li tuża l-istess toroq tal-karozzi fejn jeħel it-traffiku, x’aktarx se tispiċċa mweħħla fit-traffiku hi wkoll. Biex isseħħ, se jkun hemm bżonn li jitwessgħu t-toroq, b’riskju li t-traffiku qawwi jkun sempliċement spostat għal junctions tat-toroq li jmiss, u b’hekk teħel iżjed ‘il quddiem,” saħaq Xuereb. 

Propju għalhekk li saħaq li trackless tram, x’aktarx li se tkun effiċjenti aktar fi bliet li għandhom toroq twal u wiesgħa, bħalma huwa l-każ fil-bliet Ċiniżi fejn ġew introdotti.

‘Trackless tram se jkollha topera biss barra miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula’

Saħaq kif filwaqt li t-tramm bla binjarji tista’ taħdem sew fi Triq il-Kosta, l-ibliet u l-irħula Maltin, mibnija kif inhuma mibnija u anke l-arkitettura storika tagħhom, mhumiex ideali għal sistema simili.

“Trackless tram ma tistax tgħaddi mingħajr problemi ta’ xejn minn lokalitajiet bħall-Mosta u Ħal Qormi mingħajr ma jitwaqqa’ bini jew inkella jitwessgħu t-toroq. Dan ikun qed ibiddel il-karatteristika tal-ibliet u l-irħula tagħna. Tramm bla binarji se jkollha topera biss barra miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula, bin-nies xorta waħda se jispiċċaw jużaw il-karozza biex isuqu għall-istazzjonijiet  jew agħar, jevitaw it- tramm kompletament,” insista Xuereb.

Mill-banda l-oħra, kompla jispjega l-Perit, il-metro taħt l-art, tgħaqqad l-iżjed żoni urbani fejn jgħixu n-nies b’mod effiċjenti u veloċi, u tkun ta’ inċentiv biex persuna tħalli l-karozza tagħha. Insista li b’sistema ta’ metro taħt l-art, it-toroq jistgħu jkunu liberati mill-karozzi, u b’hekk jista’ jkun hemm karreġġjati riservati għall-karozzi tal-linja, għaċ-ċiklisti u anke bankini isbaħ u aktar wiesgħa għall-mixi. Dan kollu jkun qed jikkumplimenta l-metro bħala parti minn sistema ta’ trasport multi-modali.

“L-istazzjonijiet tal-metro jkunu bbażati fiċ-ċentru tal-ibliet u l-irħula tagħna u dan jista’ jservi ta’ opportunità biex jiżdiedu ż-żoni ħodor u pedonali fl-irħula u l-ibliet tagħna, bħal ngħidu aħna fil-pjazza tar-Rotunda tal-Mosta, fil-pjazza tal-knisja Parrokjali taż-Żejtun u anke f’lokalitajiet oħra li huma inklużi fis-sistema ta’ metro li qed nipproponu aħna,” saħaq il-Perit. “In-nies ikunu jistgħu sempliċiment jimxu, imorru bir-rota jew inkella b’sempliċiment scooter sal-istazzjonijiet. Dan huwa punt kruċjali fis-suċċess ta’ sistema ta’ trasport tal-massa, jiġifieri li tinbidel il-mentalità u aktar nies jagħżlu li jħallu l-karozza tagħhom.”

‘Sistema ta’ metro hija t-triq ‘il quddiem...’

Imma l-ILLUM tfakkru li metro se ddum aktar biex tkun lesta. Mhux issa għandna bżonn soluzzjoni? Tistaqsih ukoll jekk is-sistema li qed jipproponi hu hijiex aktar vijabbli u fattibbli, anke jekk iż-żewġ partiti kbar jidher li qed jinjoraw għal kollox.

Il-Perit Xuereb saħaq li l-istudji dettaljati li ppubblikajt jien sal-lum juru li Malta jeħtieġ tinvesti malajr kemm jista’ jkun f’sistema ta’ metro taħt l-art.

“Jiena pproponejt proġett ta’ metro vijabbli u fattibbli li jiswa €4 biljun. Dan jikkonsisti f’linja waħda ta’ metro, mibnija fi tliet fażijijiet fuq perjodu ta’ għaxar snin,” insista l-Perit. 

L-ewwel fażi tkopri mill-Mellieħa sal-Ajruport u kapaċi tkun lesta f’temp ta’ ħames snin. It-tieni fażi tgħaqqad San Pawl il-Baħar mal-Ajruport u t-tielet fażi testendi s-servizz sa Għawdex u teskludi kompletament il-bżonn ta’ mina għall-karozzi bejn il-gżejjer. Minn Għawdex sal-ajruport (l-itwal distanza), vjaġġ idum 32 minuta.

Insista wkoll li l-metro tkun kumplementata b’sistema ta’ shuttle buses li jeħduk bla waqfien mill-istazzjonijiet tal-metro għall-irħula li mhumiex servuti bil-metro.

“Sistema ta’ metro hija t-triq ‘il quddiem għal futur aktar b’saħħtu, sostenibbli u ta’ kwalità,” temm jisħaq il-Perit. 

Agħfas hawn biex taqra aktar dwar il-proposta ta' metro li kien għamel il-Perit Konrad Xuereb

More in Politika