‘Ma jistax jinħela aktar ħin ... imissna ilna li bdejna’ – Il-Perit Xuereb dwar sistema ta’ metro f’Malta

'Hemm bliet, b’popolazzjoni iżgħar minn dik ta’ Malta, bħal Lausanne fl-Iżvizzera, Rennes fi Franza u Katanja fi Sqallija li għandhom sistema ta’ metro'

Il-Perit Konrad Xuereb minn KonceptX
Il-Perit Konrad Xuereb minn KonceptX

“Nistgħu nagħmluha u għandna nagħmluha.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM il-Perit Konrad Xuereb li erba’ snin ilu beda d-diskussjoni f’Malta dwar il-bżonn ta’ sistema ta’ metro taħt l-art, li tgħaqqad ukoll lil Għawdex ma’ Malta.

Fil-fatt, il-Perit Xuereb u l-kumpanija tiegħu KonceptX kienu ppubblikaw studju dettaljat dwar sistema ta’ metro f’Malta, liema studju ma jiqafx biss mal-bnadi minn fejn għandha tgħaddi din il-metro imma daħal ukoll fid-dettall tal-ispiża u d-dħul, il-benefiċċiji ta’ sistema bħal din u saħansitra x’jista’ jsir mit-terrapien li jkun iġġenerat biex jitħaffru l-mini.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, hekk kif ftit sigħat biss ilu l-Gvern żvela studju dwar Metro, Xuereb ifakkar li sa erba’ snin ilu, meta beda jitkellem fuq dan il-proġett, kien hemm xettiċiżmu kbir.

“Illum l-istorja nbiddlet,” insista l-Perit Xuereb. “Tisma’ nies jitkellmu dwar il-bżonn ta’ sistema ta’ metro.”

Fid-dawl tal-fatt li se tibda din id-diskussjoni, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Perit Xuereb xi jkunu l-pariri tiegħu lill-Gvern.

‘Mina bejn Malta u Għawdex għandha tkun għal metro u mhux għall-karozzi’

L-ewwel u qabel kollox, appella biex id-diskussjoni, l-istudji u l-proġett jibdew immedjatament għax fi kliemu “ma jistax jinħela aktar ħin.” It-tieni nett appella biex id-diskussjoni tkun waħda trasparenti u ma tispiċċax ballun politiku. Insista li dan il-proġett huwa investiment ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

It-tielet u fi kliemu, l-aktar punt kruċjali, huwa li jekk għandu jkun hemm link permanenti bejn Malta u Għawdex, dan għandu jkun parti integrali mis-sistema tal-metro.

“Il-proġett tal-mina tal-karozzi bejn Malta u Għawdex, f’dan l-istadju, għandu jieqaf. Il-Gvern għandu jbiddel l-istrateġija tiegħu biex jekk għandu jkun hemm link permanenti bejn il-gżejjer dan ma jkunx b’mina għall-karozzi, imma jkun parti integrali mis-servizz tal-metro,” insista l-Perit Xuereb. “Mina tal-karozzi se żżid u mhux tnaqqas il-problemi tal-Għawdxin, biex ma nsemmux l-ispejjeż.”

Fi kliemu, dan ma jfissirx li l-istudji li saru għall-mina tal-karozzi jkunu saru għalxejn. Anzi saħaq li wħud minn dawn l-istudji jistgħu jintużaw anke għall-mina tal-metro. 

“Mina bejn Malta għal Għawdex għall-metro lanqas mhu se tmiss art fin-Nadur u l-Manikata kif jidher li se tagħmel mina għall-karozzi,” kompla jisħaq. “Il-metro tkun kollha hemm hi kważi sitt sulari taħt l-art u mbagħad ikun hemm lifts u escalators fl-istazzjonijiet.”

‘B’sistema ta’ metro jagħmlu sens proġetti ta’ tħaddir u żoni pedonali fil-pjazez’

Apparti dan kollu, il-Perit Xuereb saħaq li sistema ta’ metro kapaċi tnaqqas it-traffiku bin-nofs u insista li dan jagħmel fattibbli wkoll proġetti oħra li jbiddlu pjazez u toroq ewlenin f’Malta fi spazji miftuħa, imħaddra u pedonali.

“Hemm periti oħra li ħarsu lejn proġetti pedonali għall-Furjana u l-Pietà. Jekk issir il-metro, dawn il-proġetti mbagħad ikunu fattibli. Jekk ikollok stazzjon fil-pjazza tal-Mosta, il-bqija tal-pjazza tista’ ssir żona miftuħa pedonali. Immaġina kemm tiġi sabiħa,” insista Xuereb.  

‘Ma nwarrbux il-karozza għax ma hawnx alternattiva’

Iżda l-ILLUM staqsiet lill-Perit kif jista’ jkun ċert li l-Maltin se jkunu lesti jwarrbu l-karozza privata tagħhom biex imorru x-xogħol jew jagħmlu qadja. Insista li bħalissa l-Maltin ma għandhomx alternattiva oħra u għalhekk ma jimmaġinawx lilhom infushom bla karozza.

“X’inhi l-alternattiva? Li taqbad tal-linja u tagħmel siegħa fit-traffiku? Jekk taf li bil-metro se titlaq minn Għawdex u f’nofsiegħa se tkun l-Università, jew titlaq minn Tas-Sliema u f’kwarta se tkun il-Mosta, imbagħad se tikkunsidra li tħalli l-karozza,” insista l-Perit.

Dawn il-ħinijiet ukoll huma bbażati fuq studji li KonceptX wettqet u mhumiex sempliċiment numri li sparat.

‘Hemm bżonn ħames snin ta’ studji’

L-ILLUM staqsiet ukoll lill-Perit Xuereb jekk pajjiż żgħir bħal Malta jiflaħx għall-inkonvenjenti li proġett bħal dan jista’ joħloq sakemm ikun komplut. Ngħiduha kif inhi, mhux se jieħu sena jew tnejn, fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ indika li din tista' ddum 20 sena biex titlesta kollha kemm hi.

“Dan mhuwiex proġett li se jibda llum u li se jitlesta s-sena d-dieħla,” ikkonferma Xuereb. Biss biss, fi kliemu, il-proġett jirrikjedi minn tal-inqas ħames snin ta’ studji dettaljati. “Dan ma jfissirx li trid tistenna l-istudji kollha biex tibda. L-ewwel sentejn jafu jagħtuk biżżejjed informazzjoni biex tibda timplimenta l-ewwel fażi tiegħu,” kompla jispjega l-Perit.

Insista li wara li jsiru l-istudji, sistema ta’ metro li tgħaqqad dawk il-postijiet fejn l-aktar jgħixu n-nies, fejn l-aktar jaħdmu n-nies u fejn ikun hemm konċentrazzjoni ta’ turisti, tieħu madwar għaxar snin biex tkun konkluża. 

“Ma tistax tgħaqqad kullimkien. Jekk tara l-istudji tagħna (ara l-istampa) is-sistema tal-metro li qed nipproponu tgħaqqad madwar 70% taż-żoni urbani,” insista. Dawn jinkludu wkoll destinazzjonijiet importanti bħalma huma l-Ajruport, Mater Dei u l-Università.

‘Il-metro tkun parti minn sistema akbar ta’ trasport’

Kien hawn li saħaq li sistema ta’ metro ma tistax tkun separata minn sistema aktar wiesgħa ta’ trasport, fosthom servizz ta’ trasport pubbliku tal-linja li jgħaqqad diversi lokalitajiet mal-aktar stazzjon viċin.

“Il-metro qisha siġra. Iz-zokk ewlieni huwa l-metro u l-għeruq huma sistemi oħra ta’ trasport,” saħaq Xuereb. “Jekk se tieqaf Raħal Ġdid, ikun hemm servizz shuttle tal-linja, kull ħames minuti, minn hemm għat-Tlett Ibliet. F’ħames minuti tkun il-Birgu.”

Spjega kif meta qed jgħid li l-proġett jieħu madwar għaxar snin biex ikun konkluż, qed jinkludi wkoll il-mina għall-metro bejn Malta u Għawdex.

Dwar jekk il-pajjiż jiflaħx għall-inkonvenjent, il-Perit saħaq li anke jekk xi ftit ta’ sagrifiċċju dejjem irid isir, il-fatt li l-proġett li qed jipproponi isir taħt l-art, inaqqas ħafna mill-problemi fit-toroq.

Fakkar fi proġetti simili, bħalma huma Crossrail ta’ Londra li ilu għaddej għal dawn l-aħħar tnax-il sena u li jkopri distanza d-doppju ta’ dak li KonceptX qed tipproponi għal Malta. Fi kliem il-Perit, fil-każ tal-proġett f’Londra, il-ġeoloġija hija aktar kumplessa minn dik ta’ Malta.

“Assolutament ma jfissirx li għandek għaxar snin ma tista’ tmur imkien. Anzi f’dawk l-għaxar snin il-Gvern jibda jeduka n-nies dwar din is-sistema ta’ metro, kif se taħdem u anke dwar l-użu ta’ mezzi alternattivi tat-trasport, anke biex wieħed jilħaq l-istazzjonijiet,” kompla l-Perit Xuereb.

‘Minn Għawdex sa l-ajruport f’32 minuta’

Iżda l-ILLUM tistaqsi lil Xuereb jekk jagħmilx sens li jqabbel Crossrail ta’ Londra ma’ Malta, anke għax Malta hija żgħira? Jagħmel sens li għal distanzi daqshekk qosra, ikollna metro?

Il-Perit insista li l-paragun huwa importanti għax kważi kważi, Malta saret belt waħda u għalhekk faċli tqabbilha ma’ ċentri ta’ bliet kbar Ewropej, bħal Ruma jew Londra.

“Dalgħodu biex mort Ħal Qormi, minn Tas-Sliema, domt nofsiegħa. Biex wara mort lejn l-Ajruport domt 25 minuta oħra. Bil-metro, taf li se tasal puntwali f’ħin ferm iqsar, kemm jekk bnazzi jew maltemp,” kompla Xuereb.

Fil-fatt, bis-sistema ta’ metro li qed jipproponi, minn Għawdex sa l-Ajruport, il-vjaġġ idum 32 minuta. 

Interessanti illi fl-istudju mressaq mill-Gvern ilbieraħ Għawdex mhix parti mis-sistema, bil-PM Abela jgħid li jkun hemm bżonn żieda qawwija fil-popolazzjoni f'din iż-żona biex metro tkun vijabbli.

Kemm jiswa l-proġett? Kemm dħul u kemm ħruġ?

Interessanti li l-kumpanija KonceptX wettqet ukoll studju mhux biss dwar kemm jiġi jiswa dan il-proġett imma anke kemm jista’ jkun jiswa biljett wieħed. L-istima ta’ Xuereb hija li biex tasal minn Għawdex sa l-Ajruport, tħallas biss €2. 

Il-Perit telaq mill-popolazzjoni ta’ Malta li hija ta’ ftit iktar min-nofs miljun persuna u anke l-għadd ta’ turisti li żaru Malta fl-aħħar sena qabel il-pandemija. 

“Ejja nassumu li mill-Maltin wieħed minn kull erba’ juża l-metro imqar darba waħda biss kuljum. Iħallas €2 ‘l hemm u ‘l hawn. Nassumu li t-2.5 miljun turist jiġu għal medja ta’ ħamest ijiem u minn dawn wieħed minn kull erba’ biss jużaw il-metro. It-turisti jħallsu iżjed. Dak ifisser 53 miljun passiġġier fis-sena jew inkella dħul ta’ madwar €245 miljun fis-sena,” spjega l-Perit. 

Apparti minn hekk ikun hemm ukoll dħul mir-reklamar fuq il-metro u l-istazzjonijiet u anke kafetteriji li jikru l-ispazji fl-istazzjonijiet. “Dan kollu jagħtik dħul totali ta’ madwar €300 miljun fis-sena.”

Il-Perit jikkalkula wkoll li s-sistema ta’ metro jkollha spejjeż ta’ madwar €150 miljun fis-sena, li jinkludi l-operat, il-pagi tal-ħaddiema u anke l-manutenzjoni, fost oħrajn. Hemm ukoll l-ispiża ta’ madwar €40 miljun fis-sena biex jitħallas l-imgħax tal-bonds (ara aktar ‘l isfel).  

L-istess studji, li wettqet il-kumpanija KonceptX jispjegaw kif il-proġett jista’ jiġi ffinanzjat fi tliet partijiet u kollu kemm hu jiġi jiswa madwar €4 biljuni. Il-Perit Xuereb jisħaq li l-proġett jista’ jiġi ffinanzjat b’dan il-mod:

  • €750 miljun minn Fondi Ewropej (Ten-T programme) biex ikopri parti sostanzjali tal-ispiza biex tgħaqqad Għawdex b’metro.
  • €1.75 biljun jiġu mill-Gvern. Fuq perjodu ta’ 15-il sena, spjega l-Perit, dan ifisser €115 miljun fis-sena, jiġifieri kemm il-Gvern qed jonfoq kull sena biex iwessa’ t-toroq.
  • €1.5 biljuni mill-bonds tal-Gvern li jimmaturaw fuq perjodu ta’ 20 sena.

Meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni dan kollu, il-Perit spjega li l-Gvern kapaċi jagħmel profitt ta’ madwar €110 miljun fis-sena. 

“Mill-istudji tagħna jidher li dan il-proġett jaħdem mingħajr ma hemm bżonn li tiddaħħal kumpanija privata biex tiffinanza l-metro. Allura l-Gvern huwa fil-kontroll,” insista. 

Fakkar ukoll f’kemm nies qed jaħlu ħin fit-traffiku. L-istudji li wettqet KonceptX juru wkoll li jekk terz tas-sewwieqa Maltin jaħlu 15-il minuta kuljum fit-traffiku l’hemm u lura, dan jirriżulta (meta wieħed iqabbel mal-metro), f’telf produttiv ta’ kważi €70 miljun fis-sena.

Dan apparti l-fatt li t-traffiku jikkawża ħafna tniġġis tal-arja li jissarraf f’ħafna kundizzjonijiet kroniċi, inkluż dawk respiratorji bħall-ażma u anke oħrajn aktar serji u li l-Gvern jinvesti l-eluf kbar biex joffri l-kura u l-mediċina neċessarja.

‘Hemm bliet iżgħar minn Malta li għandhom metro’

Mistoqsi dwar it-terrapien, Xuereb insista li dan ikun jista’ jintuża għar-reklamazzjoni tal-art biex fuqha jsiru proġetti ta’ enerġija rinovabbli, u riserva naturali bħall-Miżieb. 

Semma proġetti simili, bħal London Array, li jinkludi 175 turbina li jiġġeneraw biżżejjed enerġija għal 750,000 dar u jnaqqas l-emissjonijiet tal-CO2 b’900,000 tunnellata, jiġifieri ekwivalenti għal 300,000 karozza.

Temm jisħaq li hemm bliet, b’popolazzjoni iżgħar minn dik ta’ Malta, bħal Lausanne fl-Iżvizzera, Rennes fi Franza u Katanja fi Sqallija li għandhom sistema ta’ metro. Saħaq li anke jekk huwa naturali li jkun hemm min jagħmel id-domandi u anke min ikun xettiku, il-proġett huwa wieħed fattibbli u għandi jsir.

Il-Metro kif proposta minn Xuereb
Il-Metro kif proposta minn Xuereb

Punti mill-proposta ta’ metro ta’ KonceptX

  • Il-proġett ta’ metro (inkluż mina bejn Malta u Għawdex) jiswa madwar €4 biljuni
  • Ċifri jbassru dħul ta’ madwar €300 miljun fis-sena
  • Il-ħruġ, li jinkludi wkoll pagi u manutenzjoni jammonta għal kważi €190 miljun fis-sena.
  • Linja waħda ta’ metro, li tinbena fi tliet fażijiet:
  • Fażi 1: Tgħaqqad il-Mellieħa mal-Ajruport u tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, Buġibba/Qawra, Pembroke/Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Imsida (Mater Dei u l-Università), il-Belt, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, iż-Żejtun u Birżebbuġa. Tul ta’ 25 kilometru, 13-il stazzjon u ħames snin biex tinbena
  • Fażi 2: Tgħaqqad l-Ajruport ma’ San Pawl il-Baħar u tgħaddi minn Ħal Qormi, l-Imrieħel, Birkirkara u l-Mosta. Tul ta’ 10 kilometri, erba’ stazzjonijiet u sentejn biex tinbena
  • Fażi 3: Tgħaqqad il-Mellieħa ma’ Għawdex (b’waqfiet fix-Xewkija u r-Rabat). Tul ta’ 15-il kilometru, tliet stazzjonijiet u tliet snin biex tinbena
  • Vjaġġ mir-Rabat Għawdex sa l-Ajruport jieħu 32 minuta
  • Vjaġġ mir-Rabat Għawdex sa Mater Dei jew l-Università jieħu 36 minuta
  • Metro titlaq kull 5-10 minuti
  • Vjaġġ minn Għawdex sa l-Università jiswa €2

More in Politika