Grech jgħid li Abela huwa 'agħar' minn Muscat u jrid iżid il-maġġoranza biex ikompli 'jaħtaf il-miljuni'

Jisħaq li diversi persuni qed jingħataw impjiegi bl-addoċċ mill-Gvern. Jistieden lil dawn il-persuni biex jaċċettaw l-impjieg, isserħilhom moħħhom li jekk hu jkun PM se jħallilhom ix-xogħol imma jistedinhom jivvotaw lill-PN jekk jaħsbu li l-Gvern qed jonqos

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela huwa ffissat biex iżid il-maġġoranza mhux biss biex jgħid li ġab aktar voti minn Joseph Muscat imma anke biex “ikompli jaħtaf il-miljuni.”

Waqt attività politika fl-Imdina, li għaliha, fost oħrajn kien hemm preżenti l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, il-Kap Nazzjonalista insista kif filwaqt li l-PN huwa ffukat biex iżid il-ġid tal-pajjiż, mill-banda l-oħra, il-Prim Ministru huwa ffukat biex “javvanza lilu nnifsu.”

Saħansitra qal li Robert Abela huwa agħar “minn ta’ qablu” għax inqabad “jabbuża mill-poter” u xorta waħda qed jibqa’ jaħrab mill-ġurnalisti.

Akkużah li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu bħala Avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinħarġu l-permessi għar-regolarizzazzjoni ta’ villa f’ODZ li spiċċa xtara “ħamest ijiem wara” li ħarġu dawn il-permessi.

“Dan meta kien qed jaqla’ €28,000 fix-xahar. Dan iridek tagħtih maġġoranza akbar? Għaliex Robert? Trid takkwista aktar? Ma ħadtx biżżejjed flus?”, staqsa Grech.

Apparti minn hekk saħaq li Robert Abela xtara din il-villa għal €600,000 imma insista li l-esperti li tkellmu magħhom qalulhom li din tiswa minn tal-inqas tliet darbiet aktar.

Insista li ħafna nies, meta jixtru d-dar, imur il-perit tal-Gvern u jispiċċaw iħallsu aktar jekk ikunu ddikjarawha inqas milli suppost. Staqsa jekk il-perit tal-Gvern marx fil-villa ta’ Robert Abela.

‘Jekk tawk xogħol ħudu... aħna mhux se noħduhulek’

Akkuża wkoll lill-Ministru Silvio Schembri li qed jagħti l-impjiegi bl-addoċċ, b’mod partikolari fl-aħħar jiem.

“Jekk tawk xogħol ħudu. Jekk jien inkun Prim Ministru, se żżomm dak ix-xogħol. Imma jekk taf li għamlu ħażin, meta tivvota, waħdek se tkun u tista’ tivvota lilna,” saħaq Grech. Ta' min ifakkar li appell simili kien jagħmlu Eddie Fenech Adami fi żmien il-Gvern tal-Perit Dom Mintoff.

Insista li biex titnaqqas ir-regħba tal-Gvern hemm bżonn li tonqos il-maġġoranza b’mod sostanzjali jew inkella l-fiduċja tingħata lill-PN.

‘Il-costings noħorġuhom meta rridu aħna ... il-PL mhux se jagħmel l-aġenda tagħna’

Tkellem ukoll dwar il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari dwar il-costings li issa ħafna qed jistennew u li l-Partit Laburista qed jakkuża lill-PN li ma għandux.

“Il-costings tagħna joħorġu meta jkun il-waqt għax aħna niddeċiedu u mhux il-PL jagħmel l-aġenda tagħna. Aħna għandna l-pjan kif se mmexxu. Ejjew nibqgħu nikkonvinċu li aħna għandna l-viżjoni,” insista Grech.

Fakkar li l-PL qed jgħid li l-programm tiegħu jiswa €3.3 biljun imma insista li dan mhux costing imma prezz.

Insista li l-costings tal-PN se jinkludu proċess dettaljat ta’ kemm hu l-investiment u anke dak li kull persuna se tkun qed tieħu mill-istess investiment.

Kien hawn li akkuża lill-Prim Ministru li ma jafx kif se jindirizza l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja

Proposti b’mod partikolari għal nies bid-dijabete u...

Bernard Grech ta wkoll lista ta’ miżuri tas-saħħa li qed jintrabat li jwettaq jekk ikun fil-Gvern.

Fost oħrajn semma l-Continuous Glucose Monitors u qal li dawn se jingħataw b’xejn lill-pazjenti dijabetiċi tat-tip 1 kollha.

Qal li se jingħataw ukoll l-istrippi tal-monitoraġġ b’xejn, li se jiddaħħlu aktar mediċini innovattivi u effettivi fil-formularju tal-Gvern li jkunu jistgħu jingħataw b’xejn lill-pazjenti kif ukoll li jiżdiedu aktar Diabetic Nurses fl-isptarijiet u l-komunità.

Biex itaffi l-ispiża li jiffaċċjaw pazjenti celiac, il-PN qed iwiegħed li jżid l-assistenza għal €180 fix-xahar li jintużaw fi prodotti speċjali li jkunu kostretti jixtru minħabba l-kundizzjoni tagħhom. 

Wiegħed ukoll li jkun hemm aktar investiment fit-tisħiħ tar-riżorsi, l-apparat, it-trattament u l-mediċini neċessarji biex jingħata servizz aktar komprensiv u personalizzat lil pazjenti li jsofru b’kundizzjonijiet, li ser jibdew jitqiesu bħala kroniċi, fosthom il-pazjenti bilmultiple sclerosis, l-ME/CFS u l-fibromyalgia kif ukoll dawk li jkollhom bżonn l-aċċess għas-servizzi tal-Pain Clinic.

More in Politika