Ilna ħames snin għaddejjin; L-agħar mumenti għall-Partit Nazzjonalista
Il-gazzetta tkompli bil-ħarsa tagħha lejn l-agħar mumenti li għaddew minnhom il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar leġislatura. Illum imiss il-Partit Nazzjonalita
minn Yendrick Cioffi
Il-ġimgħa li għaddiet, fl-ewwel parti ta’ dan l-artiklu, tajna ħarsa lejn l-agħar mumenti li għadda minnhom il-Partit Laburista fl-aħħar ħames snin. Illum imiss il-Partit Nazzjonalista u diffiċli tgħid minn fejn se tibda. Se nħarsu mhux lejn l-agħar mumenti tal-PN fl-aħħar ħames snin imma x’aktarx lejn l-agħar ħames snin li qatt għadda minnhom.
Ir-raġunijiet huma ovvji. Il-PN ma sabx siequ mill-aħħar elezzjoni li għaddiet. Tiftakruh lil Joseph Muscat jgħid li se jwettaq terremot fil-pajjiż? Jekk wettaqx dan it-terremot fil-pajjiż nistgħu niddiskutu (għax naqas minn ħafna wiegħdi li għamel) imma żgur ma nistgħux niċħdu l-fatt li Joseph Muscat heżżeż waħda u sew id-Dar Ċentrali, jew l-istamperija kif isejħulha n-Nazzjonalisti.
Ieqaf ftit u aħseb. Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-2009 ma jikseb maġġoranza! Mhux ċajta! Immorru pass oltre? Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-2003 ma jikseb maġġoranza assoluta. “Wake up and smell the coffee” kien iħobb jgħid Simon Busuttil lil Muscat. Naħseb tajjeb li l-PN jagħmel hekk għalih innifsu! Xi ħaġa ħażina hemm u bidla tal-Kap kull erbat ijiem mhu se ssolvi xejn.
Dan l-artiklu se jiffoka fuq l-aħħar ħames snin li setgħu kienu opportunità tad-deheb għall-Partit Nazzjonalista, anke għax spiċċa fix-xejn l-akbar għadu tiegħu, Joseph Muscat. Minflok, il-PN kien mifni b’battalji interni li komplew iniżżluh fl-abbissi.
‘Photocopy’ – Il-Partit Nazzjonalista jitlef bi kbir
Ma nistgħux ma nibdewx bl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017. Minkejja l-isforzi kollha li għamel u minkejja l-Forza Nazzjonali (vroma ta’ Simon Busuttil), il-Partit Nazzjonalista jitlef bi kbir.
Mhux ċajta li wara ħames snin, wara li ħarġu l-famużi Panama Papers li ċapsu lill-aqwa żewġ persuni li kien jiftaħar bihom il-Labour u wara li kellek Prim Ministru taħt dell ta’ allegazzjoni kbira (Egrant), il-Partit Nazzjonalista ma jagħmel l-ebda avvanz.
Għadna niftakru, bħala ġurnalisti, lid-delegati tal-Partit Laburista fis-sala tal-għadd tal-voti jgħidulna “photocopy,” għax mill-exit polls u l-ewwel kampjuni kienu qed jindunaw li d-distakk se jkun simili għal dak tal-2013.
Lanqas ħaqq kemm Marlene Farrugia wiegħdet li se ddoqq il-klarinett jekk tirbaħ il-Forza Nazzjonali u lanqas ħaqq kemm Simon Busuttil ftaħar “bl-entużjażmu” dakinhar tal-votazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista “spiċċa gass down ġol-ħajt.”
Vera li fuq ħafna affarijiet Simon Busuttil kellu raġun imma dak iż-żmien ma rnexxilux jifhem li l-PN kien maqtugħ min-nies. Ħaseb biss li b’kampanja negattiva fuq il-korruzzjoni, kien se jirbaħ xi punti. Tajjeb li titkellem fuq il-korruzzjoni imma lill-individwu trid tgħidlu kif se jgawdi jekk inti tkun fil-Gvern! Dan Busuttil ma fehmux!
L-elezzjoni l-bidu ta’ kriżi fil-PN
Imma l-elezzjoni kienet biss il-bidu ta’ kriżi kbira li fniet lill-PN għal ħames snin sħaħ. Wara biss erba’ snin, il-PN kellu jagħżel kap ġdid. Din kellha tkun l-ewwel elezzjoni li fiha t-tesserati kollha kien se jkollhom f’idhom din l-għażla importanti.
Hawn jibda l-għawġ. Apparti Chris Said, Frank Portelli u Alex Perici Calascione, familjari mal-partitarji, ifeġġ minn imkien, Adrian Delia, avukat li ħlief il-Karkariżi ma kinux jafu bih.
Kien wiċċ ġdid. Preżenta lilu nnifsu bħala nifs ġdid u mill-ewwel jiem tal-kandidatura tiegħu, poġġa lilu nnifsu kontra “l-establishment.” Ma għandnix xi ngħidu! Dan ma niżel tajjeb xejn mat-tmexxija tal-PN.
Dak li kellu jkun eżerċizzju ta’ għaqda u demokrazija fi ħdan il-PN, li tant jiftaħar biha, spiċċat gwerra fil-miftuħ. Kulħadd jiftakar id-dibattiti, bi Chris Said u b’Adrian Delia joħduha kontra xulxin.
Delia mill-ewwel bl-għawġ
Delia beda jinżel tajjeb. Ħafna kienu qed juru biċ-ċar li riedu bidla vera u mhux kosmetika. Riedu jinqatgħu mill-passat u minn dawk in-nies li wara kollox wasslu għall-akbar żewġ telfiet li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalista (uħud minnhom għadhom hemm illum).
Fl-eqqel tal-kampanja għall-Kap, Daphne Caruana Galizia ppubblikat storja illi madwar £1 miljun fi flus minn prostituzzjoni f'Soho, Londra kienu għaddew mill-kont tal-istess Delia għal kont ieħor tal-Bank Barclays f’Jersey.
Delia dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, imma jibqa’ l-fatt li dawn tefgħuh f’dell kontinwu u l-allegazzjoni sabha dejjem ma’ wiċċu kull meta kien se jidher li se jibda jirkupra.
‘Il-biċċa blogger’ – id-diskors li Delia ma jmissu qatt għamel
Għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista din l-istorja kienet bħal manna fid-deżert. Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista kien ħeġġeġ lil Delia biex jikkunsidra mill-ġdid il-kandidatura tiegħu.
Tiftakruh lil Simon Busuttil, il-Kap uxxenti, jindirizza lill-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali? Xi żball hux! Il-Kap uxxenti, il-Kap li kien għadu kemm ġarrab tkaxkira straordinarja, spiċċa jindaħal direttament fil-kampanja biex ikun magħżul is-suċċessur tiegħu. Din issiġġilat il-firda bejn il-fazzjonijiet.
Iżda hawn ma nistgħux ma nsemmux dak il-famuż diskors isteriku ta’ Adrian Delia li f’dagħdiha spiċċa għajjar lil Daphne Caruana Galizia bħala “biċċa blogger.”
Minjaf kemm iddispjaċih Delia li qal dak il-kliem meta splodiet dik il-bomba fil-Bidnija! Dawk iż-żewġ kelmiet, li qal fis-saħna tal-mument, baqgħu jiġru warajh kull meta pprova jikkundanna dak li ġara u biegħed darba għal dejjem lis-soċjetà ċivili li għalihom kien sar ‘għadu’ daqskemm kien Joseph Muscat.
Ħars bl-ikrah, mossi u ‘daqshekk Nazzjonalist’
Tawh u skreditawh imma n-Nazzjonalisti bagħtu messaġġ. Ma ridux li jkollhom x’jaqsmu aktar man-nies li telfuhom żewġ elezzjonijiet. Riedu bidla. Għażlu lil Delia.
Kienu jafu x’se jiġri u l-atmosfera fuq il-Fosos tal-Furjana, dakinhar tal-votazzjoni għall-Kap, ma kienet xejn feliċi. Filgħodu kellek lil Jason Azzopardi, bit-t-shirt, jiġġieled ma’ partitarji ta’ Delia u filgħaxija ħafna ħars bl-ikrah u mossi meta r-riżultat beda jidher ċar.
Jien hemm kont, fuq il-Fosos, nara l-voti. Niftakar lil Rosianne Thake, dak iż-żmien Segretarju Ġenerali, tgħolli għajnejha u Beppe Fenech Adami ħdejha abjad karti. Ma stajtx ma tinnutahomx u ma tistax ma ssemihomx għax dawn l-affarijiet kienu surreali!
Imbagħad tħabbar ir-riżultat. Dawk li kienu wara Chris Said għosfru u ma dehrux. Ġie ftit Simon Busuttil, għolla id Delia b’nofs kedda, tefa’ denbu bejn saqajh u telaq ‘l hemm.
Jumejn wara, Delia indirizza ‘Mass’ Meeting tal-Indipendenza. Lanqas irnexxielu jimla kwart tal-Fosos. Warajh ftit Deputati u MEPs jidhru mhux interessati b’dak li kien qed jgħid. Oħrajn lanqas biss dehru!
Tesserati li kienu wara Chris Said telqu u oħrajn ma baqgħux iqisu lilhom infushom Nazzjonalisti!
Ipokrezija sfaċċata...
Dak li ġara wara nafuh. Il-Partit Nazzjonalista ma ħax ruħ. Delia, minflok jiġġieled il-ġlieda kontra Gvern mifni bil-korruzzjoni, spiċċa mgħaffeġ fid-Dar Ċentrali li nbidlet f’kamp tal-battalja.
Vera kien hemm xi drabi fejn donnu kien ikun hemm xi ftehim għal waqfien mill-ġlied, imma ara taħsbux li l-battibekki u t-tixwix minn taħt ma kienx ikun għaddej.
Xi kultant kont nistħajjilni qed nara ‘Ipokriti.’ Tara nies, b’mod partikolari Deputati li lil Delia mhux ma riduhx imma saħansitra ma jaħmluhx u tarahom hemm, quddiem nett, iċapċpulu u jgħanquh!
Siegħa wara tarahom jitfgħu l-botti fuq l-imbierek Facebook, li għal xi wħud sar pulptu li minn fuqu tista’ tgħid li trid.
X’differenza mil-Labour!
Fid-dawl ta’ dan kollu ma ninsewx (għax xi kultant inkunu rridu nfakkru lilna nfusna), li f’dan iż-żmien, il-Partit Laburista għadda wkoll minn mument turbolenti mmens u li wassal biex jinbidel il-Mexxej.
Bħalma ġara fil-PN kellek kampanja elettorali miftuħa għall-membri li fiha ħadu sehem Robert Abela u Chris Fearne. Kien hemm dibattiti bħalma kellhom tal-PN. Kulħadd kien jaħseb li se jirbaħ Fearne (anke hu) imma rebaħ Robert Abela.
L-elezzjoni ġiet u marret. Inbidel il-mexxej. Żgur li kien hemm min weġġa’ xi ftit imma sa ftit ġimgħat wara, kollox intesa. Fearne beda jaħdem ma’ Abela u l-elezzjoni qisha ma ġietx. Sadanittant id-Dar Ċentrali kienet għadha qisha l-Kolessew fl-aqwa tiegħu.
Tinqatel Daphne! Delia mibgħud daqs Joseph
Jekk is-16 ta’ Ottubru 2017 kien ikrah għal-Labour, kif rajna bħal-lum ġimgħa, daqstant ieħor kien għall-PN.
Anke jekk Delia pprova jakkuża lill-Gvern u pprova jieħu ‘vantaġġ politiku’ minn dan l-assassinju li heżżeż pajjiż, ma’ wiċċu reġa’ sab il-famuża stqarrija ta’ “biċċa blogger.”
Il-PN, b’Delia fit-tmun, ma seta’ qatt jitwemmen meta jibki b’din it-telfa.
Meta mbagħad ġie arrestat Yorgen Fenech u saru dawk il-protesti qalilha kontra l-Gvern, aħna hemm konnha. Il-folla kienet tgħajjar lil Joseph Muscat u lid-Deputati tal-Gvern meta joħorġu mill-Parlament imma daqstant ieħor kienet tgħajjar u tinsulta lil Adrian Delia.
Sadanittant, f’nofs dik il-folla, li kienet teħodha wkoll kontra Adrian Delia kien ikun hemm Deputati tal-PN wkoll li miegħu qatt ma raw għajn m’għajn.
Egrant magħluqa u Delia jipprova jeħles minn Simon
Meta l-affarijiet ma setgħux imorru aktar għall-agħar, jiġu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant li ma sabet l-ebda prova li torbot lil Joseph Muscat jew lill-familja tiegħu ma’ din it-tielet kumpanija ‘misteru’ fil-Panama.
Delia jipprova juża din bħala skuża biex jeħles minn Simon Busuttil, l-eks Kap li baqa’ mwikki bih fil-Parlament. Kien talab lil Simon Bustull biex jirriżenja mill-Grupp Parlamentari.
Imma Delia kellu jerġa’ jagħlaq ħalqu u joqgħod kwiet għax malajr qamu dawk il-famużi ‘blue heroes’ li daharu kontrih anke pubblikament fuq Facebook bil-famuża hashtag “not in my name.”
Dak li għamel Delia xellef darba għal dejjem ir-relazzjoni tiegħu ma’ dawn id-Deputati u uffiċjali tal-PN.
Tkaxkira enormi...
F’nofs il-leġislatura ġiet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Il-PN deher għat-taparsi magħqud imma l-feriti kienu għadhom kbar, miftuħa u qed inixxu.
Anke jekk dik l-elezzjoni ma kinitx se tbiddel Gvern, min kien se jivvota lill-Partit Nazzjonalista mifni bi ġlied intern? L-elezzjoni ġiet u l-Partit Nazzjonalista jitlef bi kbir! Tilef mhux biss it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew imma tilef anke diversi kunsilli lokali, fosthom dak tal-Belt Valletta. Kulħadd jiftakar dik il-mappa, mmarkata kważi kollha kemm hi ħamra.
X’ironija hux! Il-partit tal-UE qatt ma nġabar fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Imbagħad ġie Delia, fis-sala tal-għadd tal-voti u jgħid li setgħu marru agħar, għax is-sondaġġi kienu qed juru telfa akbar! Dak kuraġġ eh! Tiftaħar li tlift b’40,000 flok b’70,000!
Issa l-kanuni reġgħu nfetħu beraħ kontra Adrian Deliai tiġi ppreżentata dik il-famuża petizzjoni biex jissejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Delia, fosthom minn Mark Anthony Sammut li kien għadu kemm irriżenja minn President tal-Eżekuttiv.
Imbagħad sar dak il-famuż vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali. Filgħodu, tkellmu Ivan Bartolo u Adrian Delia, b’dawk preżenti jgħajru lil Bartolo traditur u Delia jqum bilwieqfa u jsikket lin-nies biex Bartolo jkompli jitkellem! Propju tele novella!
Eventwalment Delia kien rebaħ dan il-vot u l-affarijiet għal ftit donnhom ikkalmaw.
Sondaġġi, mozzjonijiet ta’ sfiduċja u ittri għand il-President
Imma jekk l-ewwel sensiela tat-telenovella kienet donnha spiċċat, ma tantx damet ma bdiet it-tieni waħda. Issa kien imiss is-sondaġġi diżastrużi li kienu qed joħorġu minn żmien għal żmien. Dawn is-sondaġġi waslu għal diskussjoni fuq il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia.
Saħanistra issa kien hemm Deputati li dejjem kienu spalla ma’ spalla miegħu u li daru wkoll kontrih. Kull ma jmur, Delia beda jsir dejjem iżjed iżolat.
Il-ġurnalisti għamilna sigħat twal quddiem id-Dar Ċentrali. Minn barra konnha nisimgħu l-għajjat u mbagħad joħroġ Delia daqslikieku ma kien seħħ xejn.
Dan sakemm fl-aħħar mill-aħħar, Delia tilef vot ta’ fiduċja fil-Grupp Parlamentari. Surreali kienet il-konferenza li seħħet fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Għal Delia kien qiesu ma ġara xejn u baqa’ jisħaq li se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Sadanittant, quddiem id-Dar Ċentrali kien hemm min kollox. Nies jgħajru d-Deputati, oħrajn jarmu t-tessera, oħrajn jgħajtu favur Delia! Tinsewx li sadanittant, il-Gvern kien qed jagħmel li jrid, l-istejjer għadhom ħerġin u l-PN mifni f’dan il-ġlied.
Delia dam ma ċeda. Baqa’ Kap tal-Oppożizzjoni anke wara li sħabu d-Deputati marru għand il-President jgħidulu li ma għandhomx fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni, bil-President jiltaqa’ mad-Deputati wieħed wieħed anke jekk fl-aħħar ħasel idejh minn din il-kriżi. Delia baqa’ hemm anke meta l-Grupp Parlamentari tiegħu beda jimbotta ‘il quddiem lil Therese Comodini Cachia.
Delia jitlef! Grech Kap imma l-battibekki jibqgħu
Eventwalment, wara vot fil-Kunsill Ġenerali Delia kellu jċedi u l-PN sejjaħ elezzjoni għall-Kap. Hu ħa sehem fiha u kontrih Bernard Grech.
Anke f’nofs din il-kampanja, jfeġġu allegazzjonijiet kontra Bernard Grech u l-pendenzi tat-taxxa. Jisħaq li ħallas kollox fi żmien il-kampanja għall-elezzjoni għall-Kap imma anke hawn, din l-istorja baqgħet xi ftit dell fuqu u l-Partit Laburista baqa’ jgħajru biha.
Imma Bernard Grech rebaħ bi kbir. It-titlu fuq il-gazzetta ILLUM kien: “Bernard ikaxkar lil Delia” u bir-raġun.
Il-folja nqalbet. Anke jekk Delia qal li se jaħdem ma’ Bernard Grech, ħafna segwaċi ta’ Delia, inkluż ħuh innifsu, jirriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista. Imsomma, sa ċertu punt, il-PN spiċċa koppi.
Il-batibekki lanqas ma waqqfu hemm. Kulħadd jiftakar x’ġara meta għall-festi tal-Indipendenza, il-kanvassers tal-eks Kap marru bil-flokkijiet suwed bil-kliem ‘Team Delia’ u qagħdu seba’ mili ‘l bogħod mill-attività, jew meta Therese Commodini Cachia u Adrian Delia spiċċaw jitgħajru fuq Facebook.
Fi kliem sempliċi, anke jekk il-maltemp ikkalma, ma jfissirx li l-mewġ għall-PN waqaf għal kollox!
Issa l-pandemija jmiss...
Inkunu qed nonqsu lil Bernard Grech jekk ma ngħidux li għamel differenza. Għall-PN mhux kollox ward u żahar imma almenu waqaf il-ġlied fl-apert ta’ żmien Delia. Vera li s-sondaġġi qed juru telfa kbira għall-PN u fl-aħħar mill-aħħar din se tgħodd, imma jibqa’ l-fatt li almenu l-emoraġija waqqfet. Id-distakk ma baqax jikber. Biżżejjed? Le!
Ma nistgħux ma nsemmux il-pandemija. Il-pandemija waqqfet kollox. Kif tkellimna l-ġimgħa li għaddiet, il-pandemija kienet prova li l-Gvern ta’ Robert Abela ħareġ minnha bl-unuri u x’aktarx fuq dan se jkun iġġudikat.
Mill-banda l-oħra, f’dan iż-żmien, Bernard Grech seta’ biss jitkellem imma ma seta’ jagħmel xejn. Seta’ jagħmel pressjoni imma ma setax jieħu deċiżjonijiet. Id-deċiżjonijiet fl-aħħar mill-aħħar ħadhom il-Gvern.
Grech sar Kap meta kienet diġà feġġet il-pandemija. Kieku ma kienx hemm il-pandemija, li sakkret lil kulħadd f’daru, x’aktarx li Bernard Grech kien ikollu aktar ċans biex juri xi jsarraf.
Il-PN jibda l-kampanja fuq sieq ħażina
Ma nistgħux ma nitkellmux fuq il-kampanja elettorali. Vera li mhijiex l-aqwa kampanja li qatt għexna imma l-PN qed jidher aktar ippreparat u organizzat mill-aħħar elezzjoni ġenerali.
Kellu kollox lest u malli l-Prim Ministru saffar is-suffara, anke jekk ir-riżorsi tiegħu huma limitati, ħareġ mill-ewwel bis-saħħa.
Imma bħalma ġralu dejjem f’dawn l-aħħar ħames snin, kull meta kien donnu beda jirkupra, jfeġġ xi ntopp. Fl-ewwel ġurnata tal-kampanja, erba’ kandidati jħabbru li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni.
Ejja nħallu lil Claudio Grech għax għadu hemm jaħdem u jikkampanja. Imma Kristy Debono, Clyde Puli u Mario Galea żgur li riedu jibagħtu messaġġ. In-nies mhux boloh!
Ma titlaqx fl-ewwel ġurnata tal-kampanja jekk ma tridx tagħmel il-ħsara. Wara kollox, ħadd minnhom għadu ma ħareġ għonqu għall-PN fil-kampanja. Ħadd minnhom ma ċaħad il-fatt li telqu issa apposta! Galea saħansitra fetaħ il-kanuni u qal li ‘għamlulu ħajtu infern’
Nittamaw biss li l-PN, jekk jitlef l-elezzjoni, iqum verament fuq tiegħu u jinduna li l-problema ma tiqafx mal-Kap. Il-PN ma jaffordjax ħames snin oħra hekk! Jekk se jibqa’ sejjer hekk, mewta naturali se tkun inevitabbli!
Imma mhux kollox iswed. Tama hemm. Meta Metsola laħqet President tal-Parlament Ewropew, tat tama kbira lin-Nazzjonalista li anke jekk illum il-PN għadu xi ftit jew wisq magħkus, il-futur jaf ikun ferm aħjar.