'Magħna se tibqa' tirċievi ċ-ċekk imma mhux se tkun qed tistennih biex forsi tlaħħaq' - Grech

Bernard Grech jisħaq li s-sondaġġi qed juru li d-distakk bejn il-partiti qed jonqos u ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jikkonvinċu mqar persuna waħda oħra

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista se jassigura li kulħadd jifdallu aktar flus fil-but. Insista li kulħadd se jibqa’ jirċievi ċ-ċekk imma saħaq li ħadd mhu se jkun qed jistennih biex “forsi jlaħħaq tlett ijiem oħra.”

Grech qal dan waqt intervista li saritlu fir-Rabat u li matulha tkellem fuq diversi suġġetti, fosthom l-għoli tal-ħajja u anke s-sondaġġi fejn ħeġġeġ lil kulħadd biex “jikkonvinċi” mqar persuna oħra biex tivvota lill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Partit Laburista li ilu għaxar snin fil-Gvern u għadu ma bedix jindirizza l-kwistjoni tal-faqar u li fil-programm elettorali tiegħu qed jgħid biss li se jkun qed jistudjaha.

Grech saħaq li hemm studji tal-Caritas u l-Partit Nazzjonalista kompla jikkonsulta u għalhekk jaf kif se jindirizza din il-kwistjoni.

Fost dawn, semma l-proposta għall-introduzzjoni tal-Living Income u miżuri oħra fosthom iż-żieda ta’ mediċini fil-formolarju tal-Gvern u r-refużjoni tal-prezz tal-mediċina li se jkun qed joffri lil dawk li jkollhom bżonn mediċina oħra simili għal waħda li jkun hemm fuq il-formolarju imma li tkun għadha mhux inkluża. Fakkar ukoll fil-proposta tat-tabib tal-familja b’xejn għall-anzjani.

X'qed joffri l-PN għall-Pulizija, is-Suldati u l-Korpi Dixxiplinati

Qal ukoll li l-PN se jkun qed jindirizza anomaliji oħra, fosthom mal-Pulizija, is-suldati u anke l-korpi dixxiplinati. Il-PN qed jipproponi li wara li jagħlqu l-25 servizz, dawn jingħataw l-għażla li jekk ikomplu jaħdmu, jieħdu mhux biss il-paga normali imma anke l-pensjoni.

“Ma rridux nitilfu l-esperjenza u l-kapaċità tagħhom,” saħaq Grech,

Kompla jitkellem dwar dak li se jagħmel il-PN biex jindirizza l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja u fakkar fil-wiegħda li jinħoloq fond ta’ €40 miljun biex jgħin u jtaffi fl-ispejjeż tal-importazzjoni u l-esportazzjoni.

Fi kliemu, għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, il-PN qed ikun proattiv u jekk ikun fil-Gvern se jitkellem u jindirizza mill-ewwel din il-kwistjoni u oħrajn. Insista li hu kien ilu jitkellem dwar iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u għax kienu qed jikkonsultaw, kien ilu li ppropona l-introduzzjoni tal-fond tal-€40 milun.

Għalhekk kompla Grech, il-PN se jkun qed jgħin ukoll lill-bdiewa u r-raħħala, anke biex jixtru l-art li sal-lum għadhom jaħdmuha bi qbiela u jgħinhom anke biex jonqos minn fuqhom il-piż tal-meter tad-dawl.

“Dan jgħin mhux biss lilhom imma anke lill-pajjiż,” saħaq Grech waqt li insista li min ma jafx x’inhi t-tbatija biex jaqla’ x’jiekol, ma jistax jindirizza dawn il-problemi.

Fuq kollox, fakkar fil-wiegħda tal-PN li joħloq il-ġid kif għamel b’ħolqien ta’ setturi ġodda meta kien fil-Gvern. Fakkar li l-għaxar setturi ekonomiċi ġodda li qed iwiegħed il-PN, iżidu mhux biss il-ġid imma anke l-impjiegi ta’ kwalità.

“Fuq kollox, bis-setturi li se noħolqu mhux se nagħmlu ħsara ambjentali,” saħaq Grech.

‘Din il-familja qed tikber kuljum ... komplu kkonvinċu’

Tkellem dwar is-sondaġġi u qal li d-distakk “qed jiċkien kuljum” (anke jekk is-sondaġġi li għadhom qed juru telfa kbira għall-Partit Nazzjonalista).

Insista li kuljum qed jinnota li l-familja Nazzjonalista qed tkompli tikber u magħha l-entużjażmu.

Kien hawn li ħeġġeġ lin-Nazzjonalisti biex jikkonvinċu mqar persuna waħda oħra, simili għall-appelli li kien jagħmel l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

“Hekk iva il-possibbilità li dan il-pajjiż jirbaħ, għax jirbaħ il-PN, tkun possibbli,” saħaq Grech.

‘Għandek bżonn xi ħadd li jaf fejn iridu jieħu l-pajjiż’

Il-Kap Nazzjonalista akkuża wkoll lill-Prim Ministru li qed ibiddel dak li għandu miktub fil-programm elettorali. Fakkar fil-proposta tal-PL li jagħmilha mandatorja li persuna tissieħeb fi trejd union, xi ħaġa li dalgħodu, kemm l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u anke l-Kamra tal-SMEs ħarġu kontriha.

Grech qal li minn 1,000 proposta, diġà niżlu 999, għax il-Prim Minstru, waqt id-dibattitu ta’ dalgħodu, qal li hija xi ħaġa li tista’ tkun diskussa.

L-istess fejn tidħol il-metro. Grech qal li wara l-ħafna “pompa” issa l-Gvern mhux jikkometti li jagħmilha u qed jgħid li se jistudja jekk hux vijabbli. Fi kliemu, il-programm elettorali tal-PL mimli proposti bħal din, fejn minflok affarijiet li se jwettaq, qed iwiegħed affarijiet li se jistudja.

“Dawn ma għandhomx pjan fit-trasport tal-massa. Aħna għandna pjan fattwali u kif suppost,” temm jgħid Grech dwar it-tramm bla binarji li qed jipproponi.

Aqra wkoll:

More in Politika