'Ikkonfermajna għaliex il-PM bagħat id-drone fuq id-dar tiegħi; Il-ħmieġ tiegħek titfgħux fuqna'

Bernard Grech jisħaq li l-Prim Ministru aħjar iwieġeb l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u kif 'xtara villa kbira' fuq art ODZ għal €600,000 biss...

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li llum ikkonferma għaliex il-Prim Ministru “bagħat id-drone fuq id-dar tiegħu” u insista li Abela għandu jieqaf jipprova jitfa’ l-ħmieġ tiegħu fuq ħaddieħor.

Grech qal dan waqt attività politika fis-Siġġiewi meta kien qed iwieġeb għall-akkuża li għamel il-Prim Ministru dalgħodu meta akkuża lil Grech li bena d-dar tiegħu “b’mod illegali.” Il-Prim Ministru qal li Grech talab li jiġu rregolarizzati dawn l-illegalitajiet meta ħareġ għall-Kap tal-PN.

Madanakollu, Grech saħaq li għall-kuntrarju tal-villa tal-Prim Ministru fiż-Żejtun, hu jgħix f’dar modesta, qalb il-bini u skont il-permessi.

“Għandna l-permessi kemm ta’ dawk li xtrajniha mingħandhom u anke tal-alterazzjonijiet li għamilna,” saħaq Grech.

Qal li fl-2018, wettqu xi tibdil ieħor skont ir-regoli biex kollox ikun kif suppost.

“Jekk kien hemm ħajt li flok kien qiegħed naħa, kien żewġ pulzieri ‘l hemm, meta bnih il-bennej, rajna li nagħmluh eżatt. Jekk kien hemm tieqa flok metru, kienet metru u pulzier, rajna li fuq il-karta nagħmluha eżatt. Għaliex aħna jidhrilna li l-affarijiet għandhom isiru sew,” insista Grech.

Kien hawn li Grech insista li l-Prim Ministru l-ewwel kellem lil tat-taxxa għax, fi kliemu, ma ridux isir Kap tal-Oppożizzjoni u issa reġa’ qed jipprova jħammġu.

“Mhux aħjar tirranġa l-ħmieġ tiegħek minflok tipprova titfgħu fuq ħaddieħor. Aħjar tispjega kif villa kbira f’ODZ xtrajtha għal €600,000. Lanqas terraced house ma tixtri b’dan il-prezz! Aħjar tispjega dik,” saħaq Grech.

Insista li għal darb’oħra, flok wieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, pprova jdawwar l-attenzjoni fuqu.

“Kampanja elettorali sħiħa jattakkaw il-proposti tagħna u lili,” insista Grech waqt li tenna dak li ilu jgħid tul kampanja sħiħa, jiġifieri li l-Partit Laburista ma għandux viżjoni għall-pajjiż.

Minkejja dan, saħaq li l-PN se jibqa' ffukat biex fis-26 ta' Marzu jġib il-bidla fil-pajjiż, isaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pajjiż u jsaħħaħ l-ekonomija b'għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

'Illum jibgħatlek iċ-ċekk u wara l-elezzjoni se jiġi għalik'

Insista li l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jeħodlok lura l-flus li jagħtik. Fi kliemu, il-Ministru Clyde Caruana jrid lura, fi żmien ħames snin, il-flus li ta għas-sussidju tal-kera.

"Int li qiegħed fin-negozju, kif tista' tafda lil Clyde Caruana li għajjarkom faxxisti u komunisti? Kif tista' tafdah? Ma nagħtihx tort għax ma għandhomx idea kif se joħolqu l-ġid. Qed jgħidlek li llum jibgħatlek iċ-ċekk u wara l-elezzjoni se jiġi għalik," kompla Grech.

Qal li hekk ilu jagħmel bis-serq tat-taxxa u mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

"Ma qalilkomx li se jagħtikom lura dak li seraqkom mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax hekk se jibqa' jagħmel. Ma qalilkomx li se jagħtikom lura dak li seraqkom mitt-taxxa, għax hekk se jibqa' jagħmel. Jekk trid li ma tibqax tintseraq, trid tagħżel lill-Partit Nazzjonalista," insista Grech.

'Jippreferi jagħti €70 miljun lil Steward u jixxaħħaħ mal-pazjenti tad-dijabete'

Wara l-esperjenza ta’ persuna li tbati mid-dijabete, il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar il-proposta li qiegħed jagħmel il-PN li joffri Continuous Glucose Monitors lil dawk kollha li għandhom id-dijabete ta’ Tip 1.

Din toffri opportunità lill-persuni li jbatu mid-dijabete li jkunu jafu kemm hu l-livell taz-zokkor fid-demm u anke jindunaw malajr meta jinżlilhom iz-zokkor, xi ħaġa li tista’ tkun fatali jekk ma jindunawx mill-ewwel.

“Kif nistgħu nixxaħħu meta hemm soluzzjoni bħal din li lilkom se tgħinkom tgħixu aħjar,” insista Grech.

Fakkar li l-PN ma għamilx din il-proposta issa imma kien ilu jinsisti mal-Gvern biex jagħmel dan. Madanakollu, il-Continuos Glucose Monitors mhumiex offruti għal dawk kollha li għandhom id-dijabete ta’ Tip 1.

“Il-Gvern imma jippreferi jagħti €70 miljun lil Steward milli jgħin lilkom. Aħna għamilna r-riċerka, l-istudji u rajna li dan huwa investiment importanti fikom,” insista Grech. “Hekk dik it-tfajla li tbati mid-dijabete u li kellmitni, tista’ tistudja, toħroġ u tmur tiddeverti b’moħħha mistrieħ għax dan jagħtiha l-libertà li tgħix ħajjitha.”

'Aħna għandna s-soluzzjoni għat-traffiku'

Tul l-attività, il-Kap Nazzjonalista u anke perit li indirizza l-attività tkellmu dwar is-sistema tat-trackless tram, b'Bernard Grech jisħaq li l-proposta tal-PN hija "studjata" mal-esperti u costed u tista' ssir f'ħames snin. 

"Aħna għandna s-soluzzjoni għat-traffiku," insista Grech waqt li saħaq li l-Partit Laburista qed jgħid li lest jagħmel metro "jekk tkun vijabbli" u għoxrin sena oħra. "Ara sa għoxrin sena oħra kemm se jiżdiedu l-problemi tat-traffiku.

More in Politika