Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad allegazzjonijiet li b’xi mod intereferixxa fid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tirregolarizza villa fiż-Żejtun li eventwalment huwa xtara tliet xhur wara.
Madanakollu Abela ma qalx jekk il-proċess biex jixtri din il-villa bediex qabel jew wara li l-Awtorità tal-Ippjanar irregolarizzat il-villa.
Minflok, Abela dawwar l-attenzjoni fuq il-Kap Nazzjonalista u qal li Grech “bena illegalment” id-dar tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li Grech talab għar-regolarizzazzjoni ta’ dawn l-illegalitajiet wara li tefa’ ismu isir Kap tal-Partit Nazzjonalista. Madanakollu, Robert Abela, ma qalx x’kienu dawn l-illegalitajiet.
Ilbieraħ, il-gazzetta MaltaToday irrapportat kif Abela xtara villa fiż-Żejtun, tliet xhur biss wara li xi illegalitajiet fiha ġew irregolarizzati. Dak iż-żmien, Abela kien l-Avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Mistoqsi jekk fi żmien li saret ir-regolarizzazzjoni kienx diġà were interess li jixtri l-villa, Abela ma tax dettalji.
Qal biss li hu xtara proprjetà li kellha l-permessi kollha u ċaħad kategorikament li b’xi mod kif involut fil-ħruġ tal-permessi.
Kien hawn li dawwar l-attenzjoni fuq il-Kap Nazzjonalista u insista li Grech bena daru illegalment.
Qal li bħalma meta ħareġ għall-Kap tal-PN ħallas il-pendenzi tat-taxxi, fl-istess ħin applika biex "jissanzjona l-illegalitajiet li bena hu stess."