‘Hemm nies ġenwini li huma mweġġa’ ... imma ma ltqajt ma’ ħadd li vvota PL u issa se jivvota PN’

Huwa d-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament. Mill-elezzjoni ġenerali, għal Joseph Muscat, l-allegazzjonijiet, l-ewtanasja u r-restrizzjonijiet. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru Chris Fearne 

Ħmistax qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Miegħu tkellmet dwar dak li għadda minnu l-Partit Laburista fl-aħħar ħames snin, l-istejjer, l-allegazzjonijiet, Joseph Muscat, il-proposti u anke dwar il-futur tiegħu fil-politika. 

Bdejna nitkellmu dwar il-manifest elettorali li l-PL ippreżenta ġimgħa biss qabel tibda l-votazzjoni bikrija. Għaliex dam daqshekk? Issejħet l-elezzjoni qabel iż-żmien u l-PL ma kienx ippreparat? Stenna biex jara x’se jkunu l-proposti tal-PN? 

Fearne beda jisħaq li l-kampanja elettorali hija twila ħames ġimgħat u l-PL għandu programm ta’ kif se joħroġ il-proposti ġimgħa wara l-oħra, sal-aħħar ġurnata tal-kampanja, inkluż meta kellu joħroġ il-manifest. Fl-ewwel ġimgħa, fakkar id-Deputat Mexxej Laburista, il-PL ħareġ proposti b’saħħithom favur l-ambjent. 

“Fil-ħames snin li ġejjin, l-ambjent se jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenija bħalma ridna li f’dawn il-ħames snin, l-infrastruttura, speċjalment dik tat-toroq nagħtuha spinta,” saħaq Fearne. 

Iżda l-ILLUM twaqqfu u tistaqsih għaliex l-ambjent sar issa prijorità u ma kienx minn dejjem.  

“Qatt fl-istorja ta’ Malta ma kien hemm wiegħda ta’ investiment daqshekk qawwi fl-ambjent,” wieġeb Fearne. “Aħna se nitfgħu €700 miljun fuq l-ambjent.” 

Saħaq kif minkejja li l-PN qabad u ħareġ il-proposti kollha f’salt, meta jdur id-djar, anke ta’ Nazzjonalisti, ftit huma dawk li jsemmulu l-proposti tal-PN. Fi kliemu, il-mod kif ikkomunika l-proposti l-PN ma kienx tajjeb, imma apparti minn hekk, kompla Fearne, il-pubbliku “mhux jieħu bis-serjetà” lill-PN għax ma għandux fiduċja li jwettaqhom. 

“Aħna qed noħorġu proposti studjati. Nafu kemm se jiswew u minn fejn ġejjin il-flus. Il-PN qed jgħid li se jgħidilna fl-aħħar tal-kampanja. Mela hu ma kienx ippreparat. Taħdem bil-maqlub. L-ewwel tara x’baġit għandek u kull miżura kemm se tiswa u mbagħad tiddeċiedi,” insista d-Deputat Prim Ministru. “Aħna mhux inwiegħdu aktar minn dak li jista’ jaffordja l-pajjiż. Aħna nafu li nistgħu nwettquhom. Hija kwistjoni ta’ kredibbilità.” 

‘Il-proposti tal-PN huma pie-in-the-sky’ 

Kien hawn li saħaq li l-poplu se jiddeċiedi mhux biss fuq il-manifesti x’qed jgħidu imma anke fuq min kapaċi jwettaq dak li jkun qiegħed iwiegħed.  

“Il-proposti tal-PN huma pie-in-the-sky. Dak li qed ngħidu aħna huwa studjat u n-nies jafu li se nagħmluh għax għandna track-record. Ara kull manifest u kull baġit. Dak li wiegħdna wettaqnih minkejja li għaddejna minn waħda mill-akbar kriżijiet li għaddiet minnhom id-dinja,” saħaq Fearne. 

‘Ħafna mid-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern, jiena kont parti minnhom’ 

Ħarisna lejn l-aħħar ħames snin. Ma kinux faċli għall-PL. Ħarġu stejjer u allegazzjonijiet serji. L-ILLUM tfakkar lil Fearne li la ħareġ għall-kariga ta’ Mexxej Laburista, sinjal li ried ibiddel l-affarijiet. Tistaqsih jekk hux kuntent bid-deċiżjonijiet kollha li ħa l-Prim Ministru u jekk setax ikun aktar b’saħħtu quddiem allegazzjonijiet serji li affaċċjaw membri tal-Gvern, inkluż Rosianne Cutajar u anke Justyne Caruana. Ma kellhomx jitilqu minnufih? 

Fearne saħaq li fl-aħħar ħames snin, iż-żewġ partiti għaddew minn elezzjoni għall-Mexxej / Kap. Il-PN saħansitra darbtejn. Il-Ministru Fearne fakkar li d-differenza hi fl-effett li dan kellu fuq il-partiti. 

Il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru
Il-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru

“L-għada li għaddiet l-elezzjoni għall-Mexxej Laburista, jiena baxxejt rasi u bqajt naħdem bħala Ministru u Deputat Prim Ministru u bqajt nagħti s-sehem tiegħi fil-Gvern u l-Partit. F’dawn is-sentejn urejna kemm jiena u kemm il-Prim Ministru kapaċi naħdmu flimkien,” saħaq Fearne. “Il-PN għadhom sal-lum għaddejja bil-ġlied intern. Jekk il-PN ikun fil-Gvern, dan il-ġlied intern se jirrifletti fuq kif imexxu pajjiż.” 

L-ILLUM tfakkru li l-mistoqsija kienet jekk jaqbilx ma’ kull deċiżjoni li ħa Abela u jekk kienx hemm affarijiet li setgħu saru aħjar. 

“Dejjem nistgħu nagħmlu aħjar,” wieġeb Fearne. “Jiena bħala Deputat Prim Ministru, kont parti minn dak li sar fl-aħħar sentejn. Ħafna mid-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern, jiena kont parti minnhom. Ikun hemm mumenti fejn niddiskutu imma fil-maġġoranza tad-deċiżjonijiet mhux talli naqbel magħhom talli kont parti minnhom.” 

‘Hemm nies ġenwini li huma mweġġa’...’ 

Fl-aħħar jiem il-Prim Ministru ammetta li l-PL għamel żbalji u jista’ jkun hemm Laburisti mweġġa’. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru Fearne jekk jiltaqax ma’ Laburisti bħal dawn, meta jkun qed iżur id-djar u jekk hemmx Laburisti li ma jridux jivvutaw u għaliex. 

Id-Deputat Mexxej Laburista kkonferma li hemm “nies ġenwini” li huwa mweġġa’ b’dak li ġara fil-Partit Laburista, oħrajn b’dak li ġara bis-sitwazzjoni tal-pajjiż u oħrajn għax ħassew li kellhom dritt li ma ħadux. 

Ritratt meħud waqt ir-Rally fuq il-Fossos
Ritratt meħud waqt ir-Rally fuq il-Fossos

“Ikun hemm min jgħidli dawn l-affarijiet imma dawn jaraw is-soluzzjoni fil-Partit Laburista. Jiġifieri ironikament, l-alternattiva tal-Partit Laburista huwa l-Partit Laburista stess. In-nies ma jgħidulix li vvotaw lill-Partit Laburista u issa se jivvotaw PN. Onestament ħadd,” insista. 

Ikkonferma li kien hemm min qallu li qed jaħsibha jekk imurx jivvota, imma fi kliemu, wara li li jiddiskuti, jgħidulu li se jivvotaw għax jifhmu li l-Partit Laburista “għandu s-soluzzjonijiet.” 

Fi kliemu, dan ipoġġi responsabbilità kbira fuq il-Partit Laburista. “Aħna se nqumu għall-okkażjoni biex inkunu aħjar milli konna fl-aħħar disa’ snin,” insista Chris Fearne. 

‘Joseph Muscat jibqa’ parti integrali mill-istorja tal-Partit Laburista’ 

Mad-Deputat Prim Ministru ma stajnix ma nitkellmux ma’ Joseph Muscat li minkejja l-allegazzjonijiet li hemm dwaru u l-mod kif spiċċa minn Prim Ministru, qed jidher jikkampanja ma’ kandidati Laburisti. L-ILLUM tistaqsi lil Fearne jekk jaqbilx ma’ dan u jekk jaħsibx li Muscat qed jipprova jhedded lil Robert Abela jew lill-PL. 

Fearne saħaq li Joseph Muscat huwa parti integrali mill-istorja tal-Partit Laburista. 

“Jekk tistaqsi lill-membri, biex isemmu nies importanti fil-PL, se jsemmulek lil Mintoff u ċertament lil Joseph. Fi żmien Muscat, il-PL għamel qabżiet kbar ‘il quddiem. Kien hemm żminijiet fejn il-Partit Laburista kien kważi impossibbli li jkun elett,” saħaq Chris Fearne. 

Insista li hu segwa dak li qal meta kien ma’ kandidati u fil-pubbliku u enfasizza l-fatt li Muscat dejjem qal biex kulħadd jagħti appoġġ lill-kandidati Laburisti, lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela. 

“Dak li qed jgħin il-PN, li Muscat qed jipprova jagħmel kampanja kontra Robert Abela, hija spin,” kompla Fearne. “Is-sehem ta’ Muscat f’din il-kampanja kien pożittiv biex jagħti appoġġ lil Robert Abela.” 

Każ Carmen Ciantar: Għaliex ma telaqx kif telqet Justyne Caruana? 

Justyne Caruana kellha tirriżenja minn Ministru meta sar magħruf li tat kuntratt ta’ €15,000 lis-sieħeb tagħha. Fearne kien akkużat li ta’ imjieg, b’salarju ta’ €163,000 lill-kanvasser tiegħu Carmen Ciantar. Ħarġu wkoll stejjer dwar “promozzjoni” mogħtija lill-iben il-Ministru, għal impjieg b’salarju ta’ €40,000 minkejja li gradwa fl-2017. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru x’differenza hemm bejn il-każ tiegħu u dak ta’ Caruana? 

Il-Ministru saħaq li Carmen Ciantar hija Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u tieħu salarju u mhux titħallas għall-konsultazzjoni. Insista li l-paga tagħha hija simili għal dik ta’ CEOs oħra f’entitajiet ta’ Gvern. 

“Mario de Marco, meta kien Ministru għat-Turiżmu, kien poġġa Kap Eżekuttiv tal-Air Malta li kien jieħu paga ta’ €440,000 fis-sena,” insista Fearne. “Il-mod kif inħatret Carmen Ciantar ma hu xejn differenti mill-mod kif jinħatru CEOs oħra.” 

Fakkar li l-Awditur Ġenerali ssuġġerixxa li meta jkun hemm rwoli eżekuttivi, persons-of-trust jitpoġġew biss jekk il-pożizzjoni tibqa’ libera wara sejħa pubblika. Saħaq li l-ftehim hu li meta jispiċċa l-kuntratt ta’ dawn is-CEOs, ikun hemm l-ewwel sejħa pubblika. 

“Jiddispjaċini li żżeffnu fin-nofs tfal, inkluż it-tifel tiegħi, li laħqu bil-ħila tagħhom. Ibni huwa ggradwat, għandu l-masters u qed jagħmel PHD. Dawn waslu fejn waslu bil-ħila tagħhom imma għax kumbinazzjoni jiġu minn xi ħadd pubbliku, il-PN qed jattakkahom. Din hija politika ta’ għira għal min jagħmel suċċess,” saħaq Fearne. 

Insista li l-Partit Laburista jieħu gost bis-suċċess u jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu suċċess. Fakkar fil-wiegħdi tal-PL li jagħti €1,500 lil dawk l-istudenti li jkomplu jaħdmu wara li jagħlqu s-16-il sena, li jagħti tablets u laptops lit-tfal tas-sekondarja u li joffri internet mingħajr ħlas għall-ġenituri li għandhom tfal fil-primarja. 

“Jiena ma għandi l-ebda problema li dawn l-allegazzjonijiet jiġu investigati,” insista Fearne. 

‘Steward kienu jafu għaliex deħlin’ 

Tkellimna dwar Steward Health Care. Kemm se jdum jgħidilna li waslu “fl-aħħar” in-negozjati bejn il-Gvern u Steward? Il-PN qed iwiegħed li jieħu f’idejh l-isptarijiet. Il-PL x’se jagħmel? X’qed jitlob b’mod konkret mingħand Steward? 

Fearne fakkar li l-konċessjoni li għandu Steward hija l-istess waħda li ħa minn rajh mingħand il-Vitals Global Healthcare.  

“Steward kienu jafu għaliex deħlin,” insista l-Ministru. “Mingħand Steward aħna nippretendu li jonoraw il-konċessjoni kif inhi.” 

Fearne saħaq li l-Gvern iddiskuta fit-tul ma’ Steward għax riedu li jkun hemm xi bdil fil-kundizzjonijiet tal-konċessjoni. Insista li kien hemm proposti li l-Gvern qabel magħhom imma insista li t-tibdil li xtaqu Steward ma kienx permessibbli bil-liġi tal-procurement. 

“Kien hemm xi klawżoli li xtaqu jdaħħlu Steward u li ma kinux favorevoli la għall-Gvern u lanqas għall-pazjenti. Il-Gvern iddeċieda li ma jaċċettax it-talbiet li kien qed jagħmel Steward. Insistejna li l-konċessjoni hija dik li hi,” qal Fearne. 

Mistoqsi x’inhuma dawn il-klawżoli, il-Ministru ma elaborax. Tenna li xi wħud ma kinux favorevoli għall-pajjiż u oħrajn ma setgħux isiru skont il-liġi.  

Minkejja dan saħaq li l-livell tas-servizz tas-saħħa f’Għawdex “huwa tajjeb u mar ‘il quddiem” u l-istess f’Karin Grech u l-isptar San Luqa. Insista li “mhuwiex minnu” li l-Gvern qed jaħli l-flus, waqt li faħħar ukoll l-iskola medika Barts li fi kliemu hija fost l-aqwa fl-Ewropa. 

“Il-kwistjonijiet bejn Steward u l-Gvern huma legali u kuntrattwali. Fost oħrajn il-Gvern insista li dawn iħallsu t-taxxa dovuta. Hemm inkjesta u każi fil-Qorti u se nistennew l-eżitu ta’ dawn,” insista Fearne waqt li fakkar li l-konċessjoni, kif inhi, torbot anke l-Gvern. 

Chris Fearne jaqbel mal-ewtanasja? 

Tkellimna dwar id-diskussjoni li l-PL qed jipproponi dwar l-ewtanasja. L-ILLUM staqsiet lill-Ministru x’inhi l-pożizzjoni personali tiegħu. 

Dwar il-pożizzjoni tiegħu, Fearne qagħad ftit lura. Qal biss li talab lill-Kumitat Bioetiku biex jippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni, liema rapport jinsab għandu u se jkun parti mid-diskussjoni. 

“Diġà għandna bażi soda fuq xiex naħdmu. Id-diskussjoni trid tkun waħda nazzjonali,” insista Fearne. “Ma għandi l-ebda dubju li din id-diskussjoni trid issir. Tisma’ stejjer u jagħmel sens li jkun hemm ewtanasja volontarja. Imma hemm definizzjonijiet li jridu jkunu ċari ħafna u anke t-tobba jridu jkunu protetti bil-liġi.” 

IVF: ‘Sas-sajf se nkunu qed inwessgħu s-servizz’ 

Ma stajnix ma nitkellmux fuq l-IVF, tema li l-PN qed jitkellem dwarha. Din il-ġimgħa, il-Kap Nazzjonalista wiegħed aktar għajnuna, anke għal dawk li jkunu jridu jsiefru għat-trattament u saħansitra Bernard Grech qal li lest ibiddel il-liġi biex aktar koppji jkollhom aċċess. Akkuża lill-PL li qed jigdeb u li mhuwiex minnu li qed joffri l-mediċina kollha b’xejn. 

Il-Ministru għas-Saħħa fakkar li l-PL qiegħed iwiegħed li fl-ewwel tliet xhur tal-leġislatura l-ġdida, jiddaħħlu emendi ġodda biex jitwessa’ dan is-servizz. Fost dan se jkunu qed jiżdiedu ċ-ċikli u anke min diġà għandu t-tfal se jkun jista’ jgawdi mis-servizzi tal-IVF.  

“Diġà bdejna nagħtu l-mediċina kollha mingħajr ħlas. Mhux biss il-mediċini li tieħu l-mara huma b’xejn imma anke mediċini li jintużaw mis-sieħeb maskili f’każ li l-problema tal-infertilità hija min-naħa tiegħu,” saħaq Fearne. “Se ntejbu t-teknoloġija biex dak li llum isir barra minn Malta jsir anke f’Malta.” 

Kien hawn li akkuża lill-PN li mhuwiex ippreparat. “Il-PN qal li se jieħu s-servizz tal-IVF lura. Grech qal li jekk ikun elett fil-Gvern, se jkun hemm konsulent wieħed fiss dwar l-IVF,” insista Fearne waqt li fakkar li bħalissa hemm sebgħa. 

Whole Genome Sequencing ... l-aktar proposta għal qalb Fearne 

Komplejna nitkellmu dwar is-saħħa, bil-Ministru jispjega waħda mill-aktar proposti għall-qalbu, jiġifieri dik ta’ Whole Genome Sequencing (GWS). 

Fi kliemu, Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fejn il-Genome Sequencing se jkun parti mis-servizz tas-saħħa nazzjonali. 

“Dan ifisser li ħafna kundizzjonijiet ġenetiċi, li sal-lum tkun taf bihom meta toħroġ il-kundizzjoni u f’każ ta’ mard rari, lanqas biss tkun taf, inkunu nafu bihom u nitrattawhom kmieni. Jekk hemm persuni li jkollhom mard rari, inkunu nistgħu nitrattaw lill-familjari tagħhom u jekk ikun hemm bżonn nitrattaw minn qabel jew kmieni,” spjega Fearne. 

Fost oħrajn, il-GWS qed ikollha riżultati pożittivi ħafna fejn tidħol l-Alzheimer u anke tgħin ħafna, f’każ ta’ kanċer, biex ikun stabbilit liema trattament jaħdem l-aħjar fuq persuna partikolari. 

Rallies mimlija nies u l-artisti baqgħu l-art ... x’jaħseb? 

Mal-Ministru għas-Saħħa ma stajnix ma nitkellmux dwar il-pandemija. Il-partiti politiċi għaddejin bl-attivitajiet tagħhom. F’ħafna attivitajiet qed ikun hemm ksur sfaċċat tal-miżuri kontra l-Covid-19. Dan mhux diskriminazzjoni mal-artisti, fost oħrajn? 

Filwaqt li fakkar li sal-10 ta’ April se jkunu qed jitneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha, il-Ministru saħaq li l-PL qed jagħmel ħiltu biex l-attivitajiet jimxu mal-protokolli, għall-kuntrarju ta’ dak, li fi kliemu, qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. 

Il-folla Laburista fil-Padiljun ta' Kordin
Il-folla Laburista fil-Padiljun ta' Kordin

“Ikun hemm min jinġabar barra. L-appell tagħna huwa biex kulħadd jimxi mar-regolamenti u jirreġistra,” insista Fearne. “Il-PN qisu qed jagħmel mass meetings. Kulħadd bilwieqfa.” 

Mistoqsi dwar restrizzjonijiet, u jekk hemmx ċans li dawn jerġgħu jiżdiedu, anke wara li tgħaddi l-elezzjoni, il-Ministru insista li l-Gvern qatt ma ħa deċiżjonijiet populisti. 

Fakkar biss li l-pandemija ma għaddietx. F’Ħong Kong, qal il-Ministru, hemm nies bil-Covid-19 li qed imutu fil-kurituri tal-isptar. 

“Aħna qatt ma ħarisna lejn il-każi biss imma lejn is-sitwazzjoni fl-ITU ... ma jidhirx li se jkollna bżonn nerġgħu ndaħħlu restrizzjonijiet fis-sajf li ġej,” insista l-Ministru. 

‘Ix-xewqa tiegħi tkun li nibqa’ nagħti sehem fil-politika lokali’ 

Fl-aħħar nett tkellimna dwar il-futur tiegħu fil-politika lokali. Bosta jgħidu li Fearne għad ikun qed jaħdem f’istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom fl-Għaqda Dinjija għas-Saħħa. 

“Jiena waqaft mill-karriera u dħalt fil-politika għax ridt nagħti servizz bħala politiku f’Malta. Ix-xewqa tiegħi tkun li nibqa’ nagħti sehem fil-politika lokali,” saħaq Fearne. 

Qal li hu jemmen li politiku ma għandux jagħmel aktar minn erba’ termini. Fakkar li hu għamel tnejn u li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja, jagħmel tnejn oħra u jerġa’ jikkontesta. 

“Jekk nibqax Deputat Mexxej dik tiddeċiedi l-Konferenza Ġenerali tal-PL. Jekk nibqax fil-kabinett u xi rwol ikolli dak f’idejn il-Prim Ministru. Jiena lest li nservi lokalment,” temm jgħid Fearne.

More in Politika