'Kontu qtiltu l-investiment;' 'Għadkom tgawdu l-ġid li ħloqna aħna' - Abela u Grech jiddibattu

Iż-żewġ mexxejja jiltaqgħu fit-tieni dibattitu biex jikkonvinċu lin-negozjanti u quddiemhom jispiċċaw f'batibekk bejniethom dwar il-costings tal-wiegħdi elettorali u min kapaċi jwettaq l-aktar

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illum ħadu sehem f'attività organizzata mill-Kamra tal-SMEs.

Apparti diskorsi individwali, iż-żewġ mexxejja, inqas minn ħmistax qabel l-elezzjoni, wieġbu mistoqsijiet min-negozjanti li kienu preżenti.

Spikkaw il-batibekki bejn iż-żewġ mexxejja fuq il-costings tal-manifesti rispettivi, meta negozjant staqsa kif se jkunu qed jiffinanzjaw dawn il-ħafna wiegħdi li qed jagħmlu, fi żmien meta l-pajjiż għadu ħiereġ mill-kriżi tal-pandemija u qed jiffaċċja kriżijiet oħra, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna.

Dan huwa dak li wieġbu Robert Abela u Bernard Grech:

Il-Covid-19 ġabet magħha żieda qawwija fil-bejgħ onlajn u xiri b’karta ta’ kreditù. Taħsbu li l-Gvern għandu jinċentiva lill-bejjiegħ, b’inċentivi fiskali, biex jaċċetta aktar ħlas b’karta ta’ kreditù? 

Robert Abela: Il-Prim Ministru qal li jaqbel li l-ħlas bil-karta tal-kreditù għandu jkun inċentivta. Saħaq li fl-aħħar xhur, il-Gvern għamel ħafna biex inaqqas l-użu tal-kontanti. Madanakollu insista li din il-bidla ma tistax issir mil-lum għall-għada.

“Ftit tax-xhur ilu għaddejna avviż legali għal limitazzjoni fl-użu tal-kontanti f’ċertu setturi, fosthom fix-xiri ta’ proprjetà immobbli, ħwejjeġ u ħaġar prezzjużi. Dawn kienu jimportaw magħhom ħafna sogru ta’ ħasil ta’ flus. Il-limitazzjoni hija ta’ €10,000,” fakkar Abela.

Fakkar li l-Gvern, fl-2018, daħħal id-dritt għall-kont bankarju, li anke jekk hija xi ħaġa bażika, ma kinitx teżisti. Fakkar ukoll fit-tisħiħ tal-awtoritajiet regolatorji.

“Għal għexieren ta’ snin il-pajjiż kien qed jinjora dak li kienet qed tgħidlu l-Moneyval. Aħna saħħaħna l-awtoritajiet regolatorji biex jiżguraw li jkun hemm a level playing field, fosthom fil-ħlas tat-taxxa,” insista Abela. Fi kliemu, l-akbar ċertifikat se jkun meta l-pajjiż jinħareġ mil-lista l-griża u li se jattira aktar investiment.

Bernard Grech: Saħaq li jaqbel mal-Prim Ministru li huwa l-perċentwal kważi kollu tan-negozji li huma serji u insista li għalhekk mhuwiex sewwa li l-burokrazija qed ibati minnha kulħadd.

“Għalhekk mhux tajjeb li pajjiżna spiċċa fil-lista l-griża. Jekk fl-aħħar snin kienu qed jinjoraw il-prinċipji tal-Moneyval huwa ħażin. Qabel qatt ma konna fil-lista l-griża. Mhux tajjeb li minħabba l-ftit jeħel kulħadd,” insista Grech.

Fakkar li l-PN se jkun qed jinċentiva lil dawk in-negozji li jirrispettaw il-prinċipji ESG, u allura l-governanza. 

“Il-qalba għal aktar sistemi diġitali hija importanti u se nkunu qegħdin ngħinu,” insista Abela. “Irridu ninċentivaw biex kulħadd jasal. Se nwettqu programm iffinanzjat kollu mill-Gvern biex in-negozji u s-self-employed jagħmlu din il-qalba.”

L-ispiżeriji ma għalqux fil-Covid-19 u ma kienu eliġibbli għall-ebda għajnuna. Qed twiegħdu ħafna affarijiet li se toffru b’xejn, fosthom il-Morning After Pill u mediċina oħra b’xejn. Dan huwa nuqqas ta’ qligħ għall-ispiżeriji tagħna. Kif se tassiguraw li dan ma jseħħx?

Bernard Grech: Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li jifhem il-preokupazzjoni tal-ispiżeriji u insista li ħadd ma jrid li dawn inaqqsu mid-dħul tagħhom. Madanakollu insista li l-Gvern għandu wkoll l-obbligi soċjali tiegħu, lejn dawk li huma vulnerabbli, l-anzjani u dawk li għandhom dħul baxx, fost oħrajn.

“Ma nistgħux nonqsu mill-obbligu tagħna li nindirizza dan id-dmir soċjali,” saħaq Grech. Dwar il-Communit Chest Fund Foundation (CCFF), il-Kap Nazzjonalista qal li tajjeb li jkun hemm entitajiet bħal din li toffri għajnuna.

“Imma li ssir ir-regola li xi ħadd li jkollu bżonn mediċina importanti imur jittallab għand il-CCFF, huwa tnaqqir tad-dinjità,” insista Grech. “Il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika tagħna.

Għalhekk saħaq li Gvern Nazzjonalista se jibqa’ jagħti appoġġ fejn hemm bżonn mingħajr ma jnaqqar mid-dħul tal-ispiżeriji.

Semma wkoll proposti li għandu l-PN f’dan il-qasam.

Robert Abela: “Ma naqbilx li b’xi mod se titnaqqas il-vijabbilità li tiftaħ jew iżżomm spiżerija miftuħa,” qal il-Prim Ministru.

Insista li huwa minnu li aktar mediċini se jidħlu fil-formolarju tal-Gvern biex jingħataw b’xejn, anke biex l-anzjani jkollhom il-mediċini kollha b’xejn, imma fakkar li hemm miżuri oħra li jikkumpensaw lill-ispiżeriji. Fakkar li l-Gvern iffirma MOU dwar il-POYC biex minflok €50 għal kull pazjent, l-ispiżeriji li joffru l-POYC jibdew jieħdu €110 għal kull pazjent u sal-2027, din titla’ sa €130 għal kull pazjent.

“Qed naraw kif il-Gvern se jara li jimplimenta din il-wiegħda, jwessa’ l-formolarju tal-Gvern u joffri mediċina b’xejn lill-anzjani imma jindirizza wkoll l-interess settorjali,” insista Abela.

Insista li kien Gvern Laburista li wiegħed “il-pjaga” tal-mediċini out-of-stock u li indirizza u li raħħas il-prezz ta’ 300 mediċina. Fakkar li l-aħħar xhur il-Gvern wera kemm kien lest jinvesti fil-qasam tas-saħħa. 

Il-qagħad huwa baxx imma hemm problema biex inġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Għal ċertu xogħlijiet mhux faċli ssib persuni mill-Unjoni Ewropea. Meta niġu biex nimpjegaw lil dawn il-persuni, mhux faċli. Ġieli ddum mas-sitt xhur biex dan l-impjegat ikollu l-permessi biex jiġi Malta. X’se tagħmlu? Kif se tgħinuna biex dan il-proċess twil ma jibqax ikun ostaklu, b’mod partikolari wara l-Covid-19?

Robert Abela: Il-Prim Ministru insista li l-Oppożizzjoni għamlet kruċjata kontra l-ħaddiema barranin, b’mod partikolari dawk minn barra l-Unjoni Ewropea.

“Kien hemm kampanja bbażata fuq dan il-punt. Kienu jgħidulna politika taċ-cheap labour. Lanqas kont sorpriż, għax il-PN huwa sinonimu maż-żieda tar-rata tal-qagħad,” insista Abela. “Illum għandna l-inqas rata ta’ qagħad li qatt kellna fl-istorja ta’ pajjiżna. Il-KE qed tbassar li se jkollna wkoll l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku.”

Kien għalhekk li l-PM insista li biex il-pajjiż ilaħħaq ma’ dan it-tkabbir ekonomiku se jkollu bżonn biżżejjed ħaddiema.

“Jiena ma nassoċjax lill-ħaddiema barranin, mill-UE jew minn barra, ma’ pagi baxxi. Għandna nies li jaħdmu f’karigi għolja, xjentisti u professjonisti li huma barranin,” insista Abela.

Dwar ħaddiema mill-UE, il-Prim Ministru qal li l-proċess huwa wieħed eħfef minħabba l-prinċipju tal-moviment ħieles. Fakkar ukoll li l-Partit Laburista għandu wkoll proposti biex inaqqas il-proċess biex titnaqqas il-burokrazija meta jkun hemm bżonn jinġiebu ħaddiema minn pajjiżi terzi.

Bernard Grech: Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li għal din il-problema, seta’ kien hemm soluzzjonijiet li saru qabel il-pandemija.

“Kull ġurnata li tgħaddi u li ma nkunux qed nindirizzaw il-problemi tagħkom, tfisser ġurnata oħra ta’ inqas qligħ. Ma nistgħux nistennew l-elezzjoni,” insista Grech.

Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista mhux se jkun qiegħed “jisraq” ħaddiema mill-privat biex għat-taparsi jingħataw impjieg. 

“Smajna ħafna stejjer li ħadd ma jista’ jmeri,” saħaq Grech. “Robert ma’ wieġeb xejn fuq diġitalizzazzjoni. Dawn il-proċessi jridu jkunu onlajn. Il-kjus iridu jispiċċaw. Dak li hemm onlajn jibqa’ onlajn u dawk li mhumiex isiru. Aħna se nagħmluha s-sistemi aktar effiċjenti.”

Insista li Gvern Nazzjonalista qiegħed iwiegħed ħolqien ta’ aktar xogħol ta’ kwalità u saħaq li dan ifisser li se jkun qed jikber is-suq minn fejn negozjant ikun jista’ jġib il-ħaddiema.

Fakkar li l-ħaddiema barranin, partikolarment dawk Ewropej, jiġu bis-saħħa li Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea.

“Magħna jkollok proċess iqsar biex innaqqsu dejjem inqas il-burokrazija li lilkom tagħmlilkom ħafna ħsara,” insista Grech. 

Bħala negozjant ninkwieta li meta ħerġin mill-pandemija, li ħalliet riperkussjonijiet kbar u meta ninsabu fi kriżi oħra minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, nisma’ bi proposti li jiswew miljuni kbar. In-negozjat kif se jserraħ moħħu li quddiem dawn id-diffikultajiet kollha, wara s-26 ta’ Marzu, se jkollu l-opportunità li jkabbar in-negozju tiegħu?

Bernard Grech: Il-Kap Nazzjonalista insista li l-għaxar setturi ġodda huma l-garanzija biex Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta l-viżjoni tiegħu.

“Hekk għamilna fil-passat. Ma jridux li nsemmu l-passat għax jafu li l-passat tagħna kien ħolqien ta’ setturi ekonomiċi li għadhom irendu sal-lum. Faċli taqta’ l-frott mis-siġar li żera’ ħaddieħor. Aħna l-uniku partit li qed ngħidulkom minn fejn se nkunu qed niffinanzjaw l-operat tagħna. Se noħolqu għaxar setturi ġodda u nsaħħu dawk li għandna,” insista Grech.

Saħaq li “ħaddieħor” għandu biss l-għażla li “jkompli jiddejjen.” 

“Ħaddieħor mhu qed jgħidlek li se joħloq l-ebda settur ekonomiku ġdid,” insista Grech. 

Insista li l-viżjoni se jwettquha n-negozju għax huma se jinvestu f’dawn is-setturi ġodda jew dawk is-setturi li diġà ħolqu Gvernijiet Nazzjonalista.

“Fiduċjuż li nkomplu nkabbru l-ekonomija, il-qligħ tal-Gvern u nsostnu l-investiment li aħna rridu nagħmlu f’dan il-pajjiż,” insista Grech.

Robert Abela: Il-Prim Ministru wieġeb li “nofs l-ammont” li l-PN qed jgħid li se jinvesti biex joħloq is-setturi ekonomiċi ġodda, se jkun ġej minn self.

“Kollha kemm intom tafu kif kien il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna qabel l-2013. Dakinhar mhux problema ta' ħaddiema barranin kellna. Kellna problema ta’ ħaddiema Maltin li kienu qed jispiċċaw bla xogħol. L-investiment kien iparalizzat. Fi żmienkom qtiltu l-investiment. Kollha tafu li f’dawn l-aħħar ħames snin, it-tkabbir tan-negozji tagħkom ma kienx hemm preċedent għalih,” insista Abela.

Grech wieġeb għall-kritika li ħafna nies qed jiddaħħlu maċ-ċivil u staqsa minn fejn se jnaqqas, jekk hux mill-għalliema, mill-infermiera jew mit-tobba.

“Dawk huma l-ħaddiema li għandna fiċ-ċivil,” insista Abela.

Semma l-costings u saħaq li l-Oppożizzjoni fl-ebda ħin ma qalet kemm se jiswew il-wiegħdi li qed tagħmel. Kien hawn li l-Prim Ministru dahar fuq Bernard Grech u qallu biex f’dak il-ħin stess jgħid lin-negozjanti kemm se jiswew il-proposti li qed jagħmel il-PN.

Bernard Grech:  “Serrħu raskom. Nafu x’qed ngħidu. €1 biljun. Ċara. Mhux self kif imdorri inti. Aħna se ngħidu lin-nies li għandhom flus reqdin fil-banek, biex jinvestuhom fil-futur tal-pajjiż ... il-costings tagħna huma lesti u fil-ġranet li ġejjin se joħroġ dokument dettaljat.”

Robert Abela: “Għadu kemm ikkonfermalna li ma għandux idea kemm se jiswew. Tagħna se jiswew €3.3 biljun,” reġa’ wieġeb Abela.

Kompla jisħaq li b’dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, biex in-negozji jgawdi minn tnaqqis fit-taxxa, se jkollhom jagħmlu awditjar annwali. 

“Il-PN irid iġib lil kulħadd suġġett għal dan. Sa issa hemm erba’ entitajiet biss, inkluż żewġ banek, li huma suġġetti għaliha,” insista Abela waqt li saħaq li biex kumpanija tkun konformi mal-prinċipji tal-ESG, hemm spejjeż kbar involuti. 

Ara hawn x'qalu fil-bidu tal-attività:

More in Politika