Bernard Grech iwiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista la se tiżdied it-taxxa, la l-bolla u lanqas il-VAT

Il-Kap Nazzjonalista jitlob il-fiduċja tan-negozji u jisħaq li wasal iż-żmien li l-pajjiż jibda 'paġna ġdida,' joħroġ mil-lista l-griża u jimxi 'l quddiem

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista mhux se tiżdied la t-taxxa, la l-bolla u lanqas il-VAT, għax fi kliemu, il-qligħ tal-Gvern se jkompli jiżdied biex tisħiħ tal-ekonomija u l-impjiegi bil-ħolqien ta’ għaxar setturi ekonomiċi ġodda.

Grech qal dawn waqt attività organizzata mill-Kamra tal-SMEs u għaliha qed jattendi wkoll il-Prim Minstru Robert Abela.

Huwa qal li fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ma għamilx din il-wiegħda, imma insista li għax għandu pjan u viżjoni, il-Partit Nazzjonalista jista’ jagħti din l-assigurazzjoni.

Tkellem dwar il-burokrazija li diversi negozji qed jiffaċċjaw quddiem il-banek u insista li dan huma riżultat tal-lista l-griża li l-pajjiż daħal fiha minħabba t-tmexxija tal-Gvern preżenti.

Fid-diskors inizzjali tiegħu, Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti prijorità lil din il-problema.

‘Il-piżijiet kbar li ntefgħu fuqkom mhumiex ġusti,” saħaq Grech. “F’dawn is-sentejn flok tnaqqset il-burokrazija, din żdiedet. Dan huwa t-trackrecord ta’ dan il-Gvern."

Kien hawn li saħaq li r-reputazzjoni hija ċ-ċavetta biex il-pajjiż joħroġ mil-lista l-griża u jimxi ‘l quddiem.

Għalhekk saħaq li d-data tas-26 ta’ Marzu għandha “tiftaħ il-bieb” għall-kredibbilità li, fi kliemu, għandu bżonn dan il-pajjiż. 

“Magħna intom se taħdmu aktar", insista Grech. Kien hawn li filwaqt li talab maħfra għal nuqqasijiet li seta' kien hemm, insista li dan "huwa żmien" biex il-pajjiż iħares 'il quddiem.

'Nitlobkom tagħtuna l-fiduċja tagħkom, kif aħna dejjem kellna fiduċja fikom," insista l-Kap Nazzjonalista. "Qed nagħtik kelmti li dak li nwiegħdek jiena nwettqu."

Nitlobkom tagħtuna l-fiduċja tagħkom, kif aħna dejjem kellna fiduċja fikom

Tkellem dwar il-proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista u qal li l-pajjiż għandu bżonn “tmexxija serja li taf xi trid,” għax kienet, għadha u se tibqa’ fi djalogu man-negozji u dawk kollha involuti magħhom.

“Faċli tonqof il-flus meta jkollok flus ħaddieħor. Trid toħloq setturi ekonomiċi ġodda,” tenna Grech.

Tkellem dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u saħaq li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jinċentiva lin-negozji biex jinvestu. 

“L-investiment tagħkom huwa l-ġebel li fuqu se nkomplu nibnu lil dan il-pajjiż. Din hija l-fiduċja li għandna fikom. Intom diġà tinvestu mingħajr inċentiv. Imma għax intom tinvestu aħna rridu nippremjawkom għax il-pajjiż qed igawdi minn dak l-investiment,” saħaq Grech.

Fakkar f’dawn il-wiegħdi tal-PN:

  • Il-VAT għar-ristoranti u l-barijiet jonqos għal 7%
  • Negozji u self-employed b’fatturat sa €60,000 ma jkunux meħtieġa jitolbu l-VAT jew rifużjoni tal-VAT

Fakkar ukoll f’numru ta’ inċentivi għal dawk in-negozji li jkunu konformi mal-qafas tal-kriterji soċjali, ambjentali u ta’ governanza (ESG), fost dawn:

  • Tnaqqis fuq ir-rata tat-taxxa tal-qligħ tan-negozji konformi mal-ESG, għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jinżammu fin-negozju
  • Titneħħa t-taxxa fuq it-trasferiment mal-wirt tal-ishma f’kumpaniji mill-ġenituri għat-tfal

Fakkar ukoll li l-PN irid li l-ogħla rata ta’ taxxa tinżel għal 25% mhux biss għan-negozji, imma għall-kulħadd, biex anke s-shareholders iħallsu l-istess taxxa, jonqsu l-kumpilazzjonijiet u d-diskriminazzjoni.

Aqra wkoll:

More in Politika