'Ħarsu lejn l-Oppożizzjoni u araw hemmx nies ta' kalibru biex imexxu setturi kruċjali'

Robert Abela jisħaq quddiem il-Kamra tal-SMEs li quddiem sfidi ġodda li għaddejja minnhom id-dinja, il-pajjiż għandu bżonn tmexxija kompetenti li toffri stabbilità u ċertezza

Il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lill-poplu u anke lin-negozji biex iħarsu lejn l-Oppożizzjoni biex jaraw hemmx nies “ta’ kalibru” li kapaċi jmexxu setturi li fi kliemu, illum huma aktar kruċjali, minħabba l-isfidi li qed jgħaddi minnhom il-pajjiż u d-dinja.

Abela qal dan meta kien qed jindirizza attività tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u li għaliha huwa mistieden ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Tul l-indirizz inizjali tiegħu, il-Prim Ministru Abela tkellem dwar dak kollu li wettaq il-Gvern fi żmien il-kriżi tal-pandemija u insista li quddiem l-isfidi ġodda li għaddejja minnhom l-Ewropa, fosthom il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, hemm bżonn ta’ stabbilità fit-tmexxija.

Kien hawn li stieden lil kulħadd, partikolarment lin-negozji biex iħarsu lejn l-Oppożizzjoni u jqabblu.

“Ħarsu lejn l-Oppożizzjoni u araw issibux dan il-kalibru ta’ nies li huma meħtieġa biex imexxu setturi li llum huma kruċjali. Insemmi s-sigurtà, l-ekonomija, is-saħħa u il-finanzi,” insista Grech.

Tkellem ukoll dwar l-għaqda u saħaq li t-tim imexxi minnu huwa magħqud u huwa ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż.

“Dan li ngħidu aħna nwettquh għax huma studjat, costed u responsabbli,” insista Abela. “Se nkunu qed ninvestu €3.3 biljun fuq medda ta’ ħames snin. Għax għandna fiduċja li l-ekonomija se tkompli tikber u għax għandna finanzi sodi, iva nistgħu nimplimentawh.”

Abela tkellem fit-tul dwar il-gwerra fl-Ukrajna u qabbel dan mal-kriżi tal-pandemija li għadda minnhom il-pajjiż. 

Insista li fuq livell ekonomiku, il-pajjiż qed iħejji lilu nnifsu għal kwalunkwe impatt li tista’ ġġib magħha din il-Gwerra. Fil-fatt, qal il-Prim Ministru, għada l-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali kollha (MCESD) 

“Il-Gvern għandu l-ħila biex jindirizza kwistjoni bħal din, saħaq Abela waqt li fakkar fl-għajnuna mogħtija mill-Gvern tul il-pandemija, anke biex jinżammu l-impjiegi.

Insista li sal-aħħar tas-sena, Malta diġà ddedikat €200 miljun ewro biex tilqa’ għall-impatt li din il-gwerra jista’ jkollha. 

Għandna pjan li nafu kif se nwettquh u nies kompetenti li jista’ joffri stabbilità u ċertezza f’dan il-pajjiż

“Id-deċiżjoni li qed nerġgħu nieħdu llum hija frott il-konvinżjoni għax irridu nżommu l-prezzijiet stabbli. Mhux se nitraskuraw l-inflazzjoni. Nagħtu kelma li se nżommu l-prezz tal-enerġija stabbli,” insista l-Prim Ministru.

Kien hawn li Robert Abela saħaq li biex jagħmel dan kollu, il-Gvern irid iżomm ekonomija b’saħħitha kif għamel fi żmien il-pandemija.

Fakkar li minkejja l-pandemija, Malta llum għandha l-inqas rata ta’ qagħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-ekonomija ta’ Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku.

“Għandna pjan li nafu kif se nwettquh u nies kompetenti li jista’ joffri stabbilità u ċertezza f’dan il-pajjiż,” saħaq il-Prim Ministru.

Semma wħud mill-proposti li qed jagħmel il-Partit Laburista, fosthom dik biex il-Corporate tax rate, jiġifieri t-taxxa għan-negozji, tonqos minn 35% għal 25% fuq l-ewwel kwart ta miljun ewro ta’ profitti.

Dwar il-lista l-griża, il-Prim Ministru fakkar fiż-żjara li se tkun qed tagħmel delegazzjoni tal-FATF biex eventwalment il-pajjiż jinħareġ mil-lista l-griża. 

Aqra wkoll:

More in Politika