'Jekk hemm bżonn inbiddlu l-liġi tal-IVF ... mhu se nċaħħdu lill-ebda koppja li trid tarbija'

Meta tkellem dwar l-isports, wiegħed li jwettaq it-trakka tal-karozzi f'Ħal Far iżda saħaq ukoll li qed jimpenja ruħu li jnaqqas l-impatt tal-istorbju fuq ir-residenti ta' Birżebbuġa

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li jekk hemm bżonn, Gvern Nazzjonalista ibiddel il-liġi tal-IVF biex jassigura li kull koppja li tkun tixtieq tarbija, tasal għal dan l-għan tagħha.

Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fl-Isla bħala parti mill-kampanja elettorali.

Waqt din l-attività, tkellmet Janice Busuttil, mara li qed tirrikorri għall-proċess tal-IVF. Sa issa kull tentattiv falla. Din il-koppja għandha erba’ embrijuni ffriżati f’Ċipru u qed jirsistu biex iġġibuhom f'Malta biex jagħmlu tentattiv ieħor. Il-liġi tgħid li d-donatur irid ikun magħruf għax inkella dan ma jkunx possibbli. Il-klinika f'Ċipru rranġaw dan ukoll u d-donatur iffirmat. 

Madanakollu, dalgħodu rċeviet imejl fejn l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun infurmawha li minħabba l-liġi kif inhi, dawn l-embrijuni ma jistgħux jinġiebu Malta.

"Weġġajt ħafna," qalet b'qalbha maqsuma. "Issa ftit diffiċli. Ma nistgħux insiefru minħabba s-saħħa tar-raġel. Sadanittant iż-żmien għaddej."

“Jekk hemm bżonn inbiddlu l-liġi. Kif jista’ jkun inċaħħdu din il-mara milli jkollha ċans akbar li jkollha tarbiha,” wieġeb Grech. “Aħna mal-koppji kollha li jixtieq li jkollhom ulied. Aħna rridukom li tilħqu dan l-għan tagħkom.

Bernard Grech rringrazzjaha għax-xogħol u l-kuxjenza li qed twettaq. Insista li kien bis-saħħa ta’ din l-istess mara li sar jaf li l-mediċina li jkollhom bżonn nisa li jagħmlu IVF, mhux vera hija b’xejn. Din il-mediċina tiswa l-eluf kif ikkonfermat hi stess.

“Imma l-Prim Ministru u d-Deputat Prim Ministru marru fuq il-midja, anke fuq TVM, l-istazzjon li suppost jgħid l-affarijiet kif inhuma, biex jigbdu u jipprovaw jirredikolaw lilna. Daqshekk jaslu dawn in-nies. Lesti li jigdbu anke fuq l-uġigħ tan-nies,” insista Bernard Grech.

Fakkar u tenna l-wiegħda tiegħu li Gvern Nazzjonalista jipprovdi l-għajnuna, l-appoġġ u l-ħlas kollu li dawn il-koppji jkollhom bżonn biex jirrikorru għal dan is-servizz.

“Se nagħmel ħilti kollha biex ikollna konsulenti fissi ġewwa Malta,” wiegħed ukoll Grech.

Għall-koppji li minħabba r-rata ta’ suċċess ikunu jixtiequ jmorru barra minn Malta biex iwettqu l-proċess, Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista juża l-istess mekkaniżmu li jintuża meta pazjenti Maltin ikollhom bżonn kura barra minn Malta biex il-Gvern ikun qed jgħin ukoll lil dawn il-koppji f’dawn l-ispejjeż.

'Mhux talli ntukom iċ-ċekk tar-rifużjoni, talli aħna se nagħtukom aktar flus fil-but'

Grech tkellem ukoll dwar il-kummenti tal-Prim Ministru u l-bilboards ġodda tal-Partit Laburista,  li qed jgħidu li jekk hu jsir Prim Ministru ma jibgħatx iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.

“Mhux talli ntukom iċ-ċekk tar-rifużjoni, talli aħna se nagħtukom aktar flus fil-but," wiegħed Grech waqt li akkuża lill-Partit Laburista li huwa negattiv. “Teatrini kemm trid għandhom imma viżjoni u programm elettorali għad ma għandhomx,” insista Grech.

Mhux talli ntukom iċ-ċekk tar-rifużjoni, talli aħna se nagħtukom aktar flus fil-but

Saħaq li tant kemm il-Partit Laburista mhuwiex ippreparat talli qed idawru kliemu, inkluż fuq l-IVF u fuq il-kaċċa.

Madanakollu saħaq li jekk ma jitkellimx il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern "se jibqa’ jisraq" mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke mit-taxxa.

“Se noħolqu l-ġid u naraw li dan jasal għandek biex ikollok kwalità ta’ ħajja aħjar,” insista Grech.

'Nagħmlu t-trakka tal-motorsport ... imma se nnaqqsu l-impatt tal-ħoss'

Tkellem anke fuq l-isports u saħaq li Gvern Nazzjonalista għandu ħafna proposti dwar dan għax irid li verament jagħti importanza lil dan is-settur.

Huwa elenka l-proposti kollha li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur.

Fost dawn, semma t-trakka tal-karozzi. Saħaq li Gvern Nazzjonalista, għall-kutrarju ta' Gvern Laburista, se jwettaq din il-wiegħda u jagħmilha f'Ħal Far.

Madanakollu saħaq li jifhem l-impatt tal-istorbju, anke għax hu kien jgħix Birżebbuġa u għalhekk insista li qed jimpenja ruħu biex jassigura li jonqos l-impatt tat-tniġġis tal-ħoss fuq ir-residenti li joqogħdu fil-viċin.

‘Setgħu żiedu l-paga tal-edukaturi fil-baġit imma ma għamlux dan’

Tkellem fit-tul dwar l-edukazzjoni. Tenna li l-PN qed iwiegħed żieda fil-paga u fil-kundizzjonijiet mhux lill-għalliema biss, imma lill-edukaturi kollha, inkluż l-LSEs, is-supply teachers u anke lil-librara.

Fakkar li hu għamel din il-wiegħda, għall-ewwel darba, f’Settembru li għadda. Insista li l-Gvern illum qed jikkopja din il-wiegħda imma saħaq li seta’ għamilha qabel, inkluż fil-Baġit li għadda.

“Semmejtha f’Settembru u qed jikkupjawha b’konvenjenza. Kellu ċans jagħmilha qabel,” insista Grech.

Madanakollu, kompla jisħaq, il-Gvern kien moħħu biex ibiddel il-Ministru tal-Edukazzjoni "mill-ġdid", għax fi kliemu, għall-Partit Laburista, l-edukazzjoni mhijiex prijorità.

“Għalina l-edukazzjoni kienet għadha u tibqa’ pilastru importanti. Permezz tal-edukazzjoni rridu nkomplu ninvestu fil-ħaddiema, fil-professjonisti u fit-tekniċi ta’ għada. Għandna bżonn eluf ta’ żgħażagħ u ħaddiema biex jaħdmu fis-setturi li se noħolqu u jaqilgħu wkoll pagi tajbin minnhom,” insista Grech.

Fakkar fi proposti oħra li qed jagħmel il-PN, fosthom iż-żieda ta’ 25% fl-istipendji, il-vawċer ta’ €500 biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsiefru u jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali u sportivi u anke l-proposta biex żgħażagħ studenti li jaħdmu, ma jħallsux bolla.

More in Politika