Analiżi | X’kampanja elettorali hi? Ilna ħames snin għaddejjin (1)

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-agħar mumenti li għaddew minnhom il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar leġislatura. Illum nibdew bil-Partit Laburista

Jekk kien hemm leġislatura mqallba u li fiha seħħ minn kollox bla dubju ta’ xejn li kienet din li qed tintemm. X’ma ġarax? Inqatlet Daphne Caruana Galizia, irriżenja Joseph Muscat meta kien fl-aqwa tiegħu u l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma jistax jieħu r-ruħ. Il-pandemija u l-qtugħ ta’ qalb li ġabet magħha ma tantx għenet.

Tant kemm ġraw affarijiet, li ċertu ġrajjiet qisu ilhom li għaddew snin minn fuqhom. X’ma jixbgħux in-nies? Mhux ta’ b’xejn li din il-kampanja elettorali ftit li xejn qed tqanqal interess, almenu sa issa. Donnu li kulħadd iddejjaq jisma’. Ħafna għandhom ġenn biex tgħaddi forsi l-politiċi joqogħdu ftit kwieti u wara l-Covid-19 jerġgħu jibdew jgħixu.

Illum u bħal-lum ġimgħa, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-aagħar mumenti li għaddew minnhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista fl-aħħar ħames snin. Illum nibdew bl-agħar mumenti għall-Partit Laburista fl-aħħar ħames snin. 

PL: Theżżiża wara l-oħra imma x-xquq ftit jidhru

Il-Partit Laburista telaq minn rebħa straordinarja fl-2017 kontra l-Partit Nazzjonalista. Imma tul l-aħħar ħames snin għadda fuq li għadda. Daqqa wara l-oħra. Skandlu wara skandlu. Kriżi wara kriżi. Min jgħid li dan mhux minnu, mhux jgħix f’dinja! 

Kieku l-Partit Nazzjonalista ma kienx mitluf fi gwerra interna li ħallietu agħarkupptejh u lanqas jaf x’laqtu, kieku żgur li llum l-istorja hija differenti. Wara dak kollu li għadda minnu l-Partit Laburista, imissna għaddejin bl-aqwa kampanja elettorali. Kieku l-Partit Nazzjonalista ħadem biex jissaħħaħ, kieku llum it-taqbida hija aktar ħarxa u ċ-ċans li Kastilja tara Gvern differenti huwa ħafna akbar.

Taħt il-Labour inqatlet ġurnalista! Mhux ċajta tafx?

F’Ġunju 2017, il-Partit Laburista ċċelebra bir-raġun rebħa kbira li kien għamel minkejja allegazzjonijiet serji, inkluż dik dwar il-famuża kumpanija fil-Panama Egrant. Madanakollu l-‘honeymoon’ tal-Labour ftit li xejn dam. Erba’ xhur wara, fis-16 ta’ Ottubru 2017, bomba f’karozza fil-Bidnija toqtol mhux biss lil Daphne Caruana Galizia, imma theżżeż pajjiż u Gvern u beda l-bidu tat-tmiem ta’ Joseph Muscat.

Tgħidli x’għandu x’jaqsam il-Labour? Mela l-Labour qatel lil Daphne? Mhux ngħid hekk. Imma qatt mhu sabiħ li ġurnalista tinqatel taħt it-tmexxija tiegħek. Dan biex ma nsemmux li Daphne Caruana Galizia kienet waħda mill-akbar kritiċi li qatt kellu jiffaċċja l-Partit Laburista.

Taqbel jew ma taqbilx mal-kitba tagħha, ma tistax ma tirrikonoxxix il-fatt li kienet xewka għall-Partit Laburista, fis-sens li kixfet uħud mill-aagħar skandli li heżżew lill-Gvern ta’ Joseph Muscat u kienet iżżommu kontabbli. Fuq ħafna affarijiet, Caruana Galizia ngħatat raġun, anke wara mewtha.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tefa’ dell fuq il-Partit Laburista. Kien dan il-qtil li wassal għat-tmiem ta’ Joseph Muscat. Jgħid x’jgħid, meta ħarġet din l-aħbar, Muscat kien jaf li dan hu t-tmiem tiegħu. Jgħid x’jgħid, qatt ma xtaq jispiċċa kif jispiċċa. 

Kemm għamel ġid? Kemm għamel riformi? Ħafna! Imma dan il-qtil u l-iskandli li dawruh, jibqgħu jiġru warajh u jiddefinixxuh. Jista’ jieħu gost idur fil-Birgu jew f’Marsaxlokk u jara n-nies iċapċpulu! Muscat spiċċa malli spiċċat Daphne!

Arrestat Yorgen! Is-soċjetà ċivili tqum u l-aktar Gvern b’saħħtu jċedi

Wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, l-aagħar mument għall-Partit Laburista, bla dubju ta’ xejn kien dak li seħħ fid-19 ta’ Novembru 2019 (u l-jiem li ġew wara) meta ġie arrestat Yorgen Fenech. 

L-arrest ta’ Fenech kompla jitfa’ dell ikrah fuq il-Gvern. Għaliex? Sempliċi. Yorgen Fenech ma kienx biss direttur tal-Electrogas imma kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija li minnha kellhom jidħlu flus fil-kumpaniji tal-Panama ta’ dawk, li sa dak iż-żmien, kienu l-kapuljuni tal-Gvern, jiġifieri ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Hija l-istess kumpanija li aktar tard sar magħruf li għamlet qligħ mill-proġett jintenn tal-Montenegro, minn fuq dahar l-Enemalta. Min taħsbu li kien involut ukoll hawn? Mhux Konrad!

Fenech huwa wkoll dak il-ħabib li Joseph Muscat ma setax ma jistedinx għall-festin ta’ għeluq snienu, biex ma jissuspettax ħażin. Fenech huwa dak li lil Joseph Muscat tah tlett ifliexken Petrus u arloġġ Bvlgari. Minjaf kemm trid taħdem u tagħmel overtime biex int, li qed taqra dan l-artiklu, tixtri mqar fliexkun wieħed minn dan l-inbid.

Malli ġie arrestat Fenech, anke jekk pprovaw jiggranfaw mal-aħħar tibna, it-tmiem ta’ Joseph Muscat u sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi kien ċar! In-niżla li bdiet bl-isplużjoni fil-Bidnija issa waslet fl-abbissi.

F’ġurnata waħda, nhar is-26 ta’ Novebru 2019, irriżenja Keith Schembri, issa implikat minn Fenech fl-assassinju, irriżenja Konrad Mizzi minn Ministru u ssospenda lilu nnifsu Chris Cardona, wkoll implikat fil-qtil tal-ġurnalista f’ittra li waslet għand Yorgen Fenech waqt li kien il-ħabs.

Kien fadal Joseph Muscat. Muscat kellu jħallas il-prezz qares tad-deċiżjoni tiegħu li jżomm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi maġenbu, anke wara li ħarġu l-famużi Panama Papers. 

Kulħadd jiftakar f’dak li kien qed jiġri fil-Belt. Kuljum, eluf ta’ persuni niżlu jipprotestaw quddiem il-Parlament. Karozzi tal-Gvern u l-Parlament spiċċaw assedjati b’Ministri maqbuda fihom. Il-protesti baqgħu għaddejin sakemm is-soċjetà ċivili ħadet dak li riedet.

Nhar l-1 ta’ Diċembru 2020, Joseph Muscat, dak li għal-Laburisti kien (u għal ħafna għadu) “il-king” u “l-invictus,” ċeda u ħabbar li ma kienx se jibqa’ Prim Ministru. 

B’saħħtu kemm kien b’saħħtu, rebaħ b’kemm rebaħ, bla dubju, dan kien mument ta’ qtigħ il-qalb għall-Partit Laburista. 

L-istilla tal-Labour, imkeċċi 

Konrad Mizzi għadu sal-lum jiftaħar bil-Partit Laburista u b’dak li rnexxielu jagħmel. Imma jista’ jiftaħar bil-Labour, jista’ jgħid li se jappoġġja lill-PL, jista’ jieħu gost li jgħidulu “wiċċ il-hena,” għax jibqa’ l-fatt li huwa mkeċċi mill-Partit Laburista.

Minn 73 vot fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista, 71 ivvotaw biex Mizzi jiġu muri l-bieb ta’ barra. Dak li sa qabel l-elezzjoni tal-2013 kien il-kandidat stilla tal-Partit Laburista (anke jekk ħadd ma jaf minn kien), issa kien l-imkeċċi. 

Lil Robert Abela ninżgħulu l-kappell. Bil-mod tiegħu irnexxielu jiknes u jbiddel. Biżżejjed? Le mhuwiex. Imma d-dinja ma saritx f’ġurnata waħda.

Konrad Mizzi tkeċċa ftit wara li kien ġie żvelat kif il-kumpanija 17 Black għamlet profitt mill-proġett tal-Windfarm tal-Montenegro (ara aktar ‘il fuq).

Ta’ min insemmu wkoll li ftit qabel, wara li tħalla barra mill-ewwel kabinett ta’ Robert Abela (diġà sinjal ċar), Chris Cardona wkoll kellu jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Deċiżjonijiet bħal dawn, għal min mhuwiex mgħammad bil-partiġġjaniżmu, huma deċiżjonijiet għaqlin li warajhom kien hemm Robert Abela. Madanakollu, daqstant ieħor, kienu mumenti koroh għall-Partit Laburista. Qed nitkellmu fuq persuni li kienu fil-qalba tal-Gvern.

Keith Schembri jidħol Kordin

Imma minnhom kollha, Keith Schembri spiċċa l-aagħar. Dak li sa ftit qabel kien l-eroj tal-Laburisti u jiftaħar li kien hu r-raġuni wara r-rebħiet kbar li għamel il-PL, issa spiċċa mmanetjat, fl-iżbarra u saħansitra fiċ-ċella ta’ Kordin.

Kulħadd jiftakar f’dan il-mument meta Keith Schembri, flimkien ma’ diversi persuni oħra, fosthom il-famużi Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, dehru deħlin il-Qorti u ftit wara, abbord il-vann tal-ħabs, jidhru deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, akkużati b’ħasil ta’ flus (fost akkużi oħra).

Jibqa’ ikoniku r-ritratt ta’ Schembri, fil-vann tal-ħabs, b’għajnejh magħluqa. Dak li kien wieħed mill-aktar persuni b’saħħithom fil-Gvern, issa ma seta’ jagħmel xejn. Minjaf x’kien għaddej minn moħħu.

U ejja ngħiduha kif inhi! Anke jekk ħafna ma jniżżluhx u ma jridux jafu bih, dawn id-deċiżjonijiet fissru biss ħaġa waħda. Żgur li kien hemm bosta, inkluż Laburisti, li fis-skiet ta’ darhom, mingħajr ħafna storbju fuq Facebook, qalu: Simon Busuttil kellu raġun! Kellu raġun jitbaqbad u jniżżel lin-nies fit-toroq.

Imiss il-lista l-griża...

Sfida li kellu jiffaċċja l-Partit Laburista u li għadu qed jissielet kontriha, hija dik tal-lista l-griża.

Nhar it-23 ta’ Ġunju 2021, Malta saret l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tpoġġiet fuq il-lista l-griża wara l-vot li ttieħed mill-Financial Action Task Force (FATF). 

Din id-deċiżjoni jista' jkollha riperkussjonijiet serji fuq l-ekonomija u l-impjiegi, partikolarment is-setturi tas-servizzi finanzjarji u dak bankarju. Forsi għadhom mhux jinħassu daqshekk, imma ma jfissirx li mhux se jinħassu u li din ma tatx daqqa ta’ ħarta lill-Gvern. 

Id-deċiżjoni ma waqgħetx mis-sema! Il-pajjiż kien qed jistenniha wara dak kollu li seħħ.

Ħbieb tal-Ministri, Whatsapp chats, rigali tal-Birthday u ċessjoni

Donnhom dawn id-daqqiet ma kinux biżżejjed għall-PL. Matul il-ħames snin, b’mod partikolari fl-aħħar ġimgħat ħarġu diversi stejjer ta’ favuri u ta’ neputiżmu sfaċċat.

L-aktar wieħed frisk huwa dak ta’ Justyne Caruana. F’leġislatura waħda, Caruana jkollha tirriżenja darbtejn minn Ministru. L-ewwel kellha tirriżenja minn Ministru għal Għawdex, meta ħarġet fil-beraħ il-ħbiberija tal-eks raġel tagħha, Silvio Valletta (li kien Assistent Kummissarju u l-ewwel uffiċjal responsabbli mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia) ma’ Yorgen Fenech.

Jekk l-ewwel darba, ma kellha l-ebda tort, it-tieni darba, meta kellha tirriżenja minn Ministru għall-Edukazzjoni, ma setgħet bl-ebda mod taħsel idha. Caruana tagħti kuntratt ta’ €15,000 lis-sieħeb tagħha biex iħejji l-kurrikulu nazzjonali dwar l-isports, xi ħaġa li hu ma kellu l-ebda kompetenza fiha.

Stejjer dwar nepotiżmu u kuntratti mogħtija lil persuni viċin uffiċjali tal-Gvern, komplew joħorġu sal-aħħar ġimgħat u kienu jinvolvu, fost oħrajn, anke lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Storja oħra hija dik tal-famuża senserija jew id-€9,000 ‘rigal tal-Birthday’ li Rosianne Cutajar ħadet mingħand Yorgen Fenech, anke din switilha postha fil-kabinett.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-Whatsapp Chats ta’ Yorgen Fenech u l-kumment tal-Ministru Edward Zammit Lewis meta ddeskriva l-votant Laburista bħala “ġaħan.” Żgur li kien hemm Laburisti li din ma niżlitilhomx tajjeb. Dan biex ma nsemmux il-bqija taċ-chats li kellu Fenech, inkluż ma’ Joseph Muscat u Keith Schembri.

Imsomma, dan l-imbierek Fenech kellu l-ogħla uffiċjali tal-Gvern kważi pupazz f’idejh! Kollha daħħalhom f’butu! Kien protagonist f’din il-leġislatura daqs l-aqwa Ministru!

Iwa issa Robert Abela wkoll?

Issa qed joħorġu wkoll stejjer dwar il-Prim Ministru Robert Abela. L-ewwel ma ħarġet kienet l-istorja dwar il-flus li l-kumpanija legali tiegħu ħadet għal servizzi ta’ konsulenza mal-Awtorità tal-Ippjanar, meta Abela kien konsulent tal-Kabinett. 

Issa fil-qalba ta’ kampanja elettorali, ħarġet ukoll l-istorja dwar l-€45,000 qligħ li allegatament Robert Abela ħa minn ftehim (ċessjoni) ma’ Christian Borg (persuna li qed tiffaċċja proċeduri kriminali) fuq biċċa art għall-iżvilupp f’Ħaż-Żabbar. 

Skont Abela din hija ‘spin.’ Nistennew u naraw. Imma l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

Joseph Muscat jhedded?

Lejliet, kampanja elettorali, il-Pulizija jmorru jfittxu fid-dar ta’ Joseph Muscat bħala parti minn investigazzjoni fuq il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare, biċċa uġigħ ta’ ras oħra għall-Gvern.

Veru li Joseph Muscat ma kienx għadu Deputat imma jibqa’ l-fatt li din il-leġislatura li qed tiġi fi tmiemha tibqa’ tiegħu, fis-sens li hu rebbaħ lill-PL. Suspetti kontrih ma tantx jitfgħu dawl sabiħ fuq il-Gvern.

Forsi aktar mit-tfittxija nnifisha, aktar inkwetanti huma l-filmati li ppubblika Joseph Muscat u anke l-preżenza mil-ġdid tiegħu għall-intervisti u anke f’kampanji ta’ kandidati differenti tal-Partit Laburista.

X’ried jgħid Muscat meta qal li riedu ‘jumiljawh?’ X’ried jgħid biha Muscat meta qal li beħsiebu jibda jitkellem aktar? Għaliex mhux jeskludi kompletament li jerġa’ jirritorna fix-xena pubblika?

Wieħed jista’ jargumenta li Muscat ma jaqbillux u ma jista’ jkollu l-ebda interess li b’xi mod jgħid xi kelma u biha jitfa’ lura l-Partit Laburista. Imma ħadd ma jaf x’għandu f’moħħu! Spiċċa kif spiċċa, Joseph Muscat għadu b’saħħtu! 

Kif qalet l-eks Deputat Marlene Farrugia mal-ILLUM, Abela għad ma għandux mandat min-nies u sa ċertu punt idejh huma marbuta. Kelma żejda minn Muscat tista’ titfgħu l-baħar. 

Il-Covid-19? Daqqa jew ‘taħfer’ id-dnubiet tal-Labour?

Donnu Robert Abela ma sabx biżżejjed problemi. Kien imiss il-pandemija li waqqfet il-pajjiż. Mhux ċert toqgħodx mal-aagħar mumenti għall-Partit Laburista.

Mal-agħar mumenti għax forsi kieku mingħajr pandemija, Abela seta’ jagħmel ħafna aktar. Fixkluh xi ftit kummenti żejda bħall-famuża “mewġ fil-baħar qiegħed” jew “tfottulix sajf,” u forsi hemm xi niċeċ li għadhom mhux kuntenti daqshekk, inkluż l-artisti għax għadhom ma jistgħu jagħmlu tista’ tgħid xejn.

Mill-banda l-oħra, kif jgħid il-Malti, baħri tajjeb tagħrfu mill-maltemp. Il-Gvern mexa tajjeb u għen kemm felaħ f’dan iż-żmien diffiċli u bla preċedent. X’aktarx li dan il-perjodu u d-deċiżjonijiet għaqlija li ħa Robert Abela u l-Gvern immexxi minnu, taffew xi ftit il-feriti li ġarrab il-PL tul din il-leġislatura u x’aktarx li fis-26 ta’ Marzu se jkun iġġudikat fuq dan.

Il-ġimgħa d-dieħla nkomplu bl-agħar mumenti tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ħames snin. Nittama li żewġ paġni jkunu biżżejjed għax hemm x’ngħidu mhux ħażi

More in Politika