Robert Abela u Bernard Grech se jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ f'erba' dibattiti

L-ewwel dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja se jsir nhar il-Ħamis li ġej fl-Università ta' Malta

Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech mistennija jiffaċċjaw lil xulxin f'min tal-inqas erba' dibattiti waqt il-kampanja elettorali li issa fadlilha inqas minn għoxrin ġurnata.

Dan se jkun l-ewwel dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja.

L-ewwel dibattitu se jseħħ nhar il-Ħamis li ġej, f'nofsinhar, fl-Università ta' Malta. Id-dibattitu, bħalma jsir f'kull elezzjoni ġenerali, se jkun organizzat mill-KSU. 

Preżenti għal dan id-dibattitu jkun hemm ukoll iċ-chairperson tal-ADPD. Mhux magħruf hux se jkunu qed jattendu l-mexxejja ta' partiti oħra.

It-Tnejn 14 ta' Marzu, f'Villa Arrigo fin-Naxxar, se jkun qed isir dibattitu organizzat mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u jumejn wara, jiġifieri fis-16 ta' Marzu, iż-żewġ mexxejja se jkunu qed iwieġbu mistoqsijiet waqt attività tal-Kamra tal-Kummerċ. 

Hu mifhum li dawn it-tliet dibattiti se jkunu mxandra live fuq il-midja soċjali.

L-aħħar dibattitu se jkun dak tal-Awtorità tax-Xandir li se jkun imxandar nhar it-23 ta' Marzu, tlett ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali.

More in Politika