L-APDP jakkuża lill-PN u l-PL li 'qed jirkbu minn fuq dahar il-poplu' meta ma jħallsux it-taxxa

L-ADPD qed jipproponi, fost oħrajn li partit politiku ma jkunx jista' jirċievi donazzjoni li taqbeż il-€5,000 fis-sena mingħand persuna partikolari

Iċ-Chaiperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo akkuża lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Laburista li qed “jirkbu” minn fuq dahar il-poplu meta ma jħallsux it-taxxi dovuti mingħandhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Cacopardo fakakr f’rapporti li l-kumpaniji tal-midja tal-pariti l-kbar għandhom tal-inqas kontijiet pendenti tal-VAT ta’ €5 miljuni u anke għandhom iħallsu b’lura kontijiet tad-dawl u l-ilma.

“Il-konsegwenzi għal ħaddieħor huma kbar, imma l-PLPN ma jħallsux il-miljuni kbar dovuti u qisu ma ġara xejn. Dawn huma n-nies li jilgħabuha, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, tal-paladini tal-governanza tajba, meta filfatt qegħdin jonqsu milli jħallsu dak dovit lejn l-istat. Neħduha bi kbira jekk ħaddieħor jitħajjar ukoll jevita t-taxxi? L-eżempju jkaxkar”, insista Carmel Cacopardo.

Saħaq ukoll li għandha tiġi emendata l-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi billi fost oħrajn tkun eliminata l-possibilità li jkunu l-partiti politiċi stess li jirregolaw lilhom infushom permezz tal-Kummissjoni Elettorali li hi komposta, nofs bin-nofs, ħlief għall-Kummissarju Ewlieni, minn rappreżentanti tal-partiti fil-parlament.

Carmel Cacopardo qal li l-PLPN diġa jieħdu finanzjament, imma saħaq li kull sena kull partit politiku li jikseb tal-inqas 1% tal-voti f’elezzjoni ġenerali, jew f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew inkella fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali jirċievi direttament mill-istat għotja kull sena għal kull vot miksub.

“Il-finanzjament mill-istat għandu jġib miegħu obbligi ġodda fuq il-partiti, u għandu jkun hemm limitazzjonijiet ikbar milli hemm illum dwar donazzjonijiet li partiti politiċi jkunu jistgħu jirċievu. Qed nipproponu li partit politiku ma jkunx jista' jirċievi donazzjoni li taqbeż il-€5,000 fis-sena mingħand persuna partikolari. Dan il-limitu illum huwa ta' €25,000,” insista Cacopardo. 

Saħaq li għandhom ikunu rregolati l-kumpaniji kummerċjali tal-partiti politiċi. Idealment għandu jkun ipprojbit li ml-partiti politiċi jiġġestixxu attivita kummerċjali. 

“Huwa ta’ għajb li l-partiti politiċi PLPN jużaw dawn il-kumpaniji kummerċjali biex permezz tagħhom jiksbu finanzjament illegali fi kwalunkwe forma, taparsi servizzi. Infakkar fir-rivelazzjonijiet fil-media dwar abbozz ta' ftehim bejn il-PL u Yorgen Fenech għal €200,000 'għal servizzi' mill-media tal-PL. Ta' min wieħed jiftakarmukoll fi ftehim ieħor tad-dB Group ma' kumpaniji tal-PN ukoll għal m'servizzi' mill-media tal-partit. Fi żewġ ċirkustanzi li nafu bihom dawn id-'deals' kienu intenzjonati biex jaħbu donazzjonijiedt bħala ħlas għal 'servizzi' biex jevitaw il-limiti tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Ta' min wieħed jinnota li l-kumpaniji tal-PLPN ilhom ma jippreżentaw l-kontijiet awditjati għal għexieren ta' snin,” kompla jisħaq iċ-Chaiperson tal-ADPD.

Insista wkoll li l-pariti għandhom ikunu obbligati  jiddikjaraw ukoll kull self li għandhom, irrispettivament mill-forma ta' dan is-self.

“Min jitkellem fuq il-governanza tajba irid jagħti l-eżempju,” temm jisħaq Carmel Cacopardo.

More in Politika