'L-operazzjoni sejra hekk kif ippjanat... aħna qegħdin fi gwerra ma' Neo-Nażisti' - Putin

Qed ikun irrapportat ukoll li kienet stabbilita linja ta' komunikazzjoni bejn il-Militar Russu u l-Pentagon

F'kummenti llejla l-President Russu Vladimir Putin qal illi l-operazzjoni Russa fl-Ukrajna għaddejja skont il-pjan u sejjaħ "eroj" lis-suldati Russi. "L-operazzjoni sejra hekk kif ippjanat... aħna qegħdin fi gwerra ma' Neo-Nażisti," sostna filwaqt li qal li huwa qatt mhu se jaqta' qalbu fil-konvinzjoni tiegħu illi r-Russi u l-Ukreni huma poplu wieħed. 

Huwa qal illi l-militar Russu offra kuriduri siguri lin-nies illi kienu qed jaħarbu minn żoni ta' kunflitt fl-Ukrajna. Waqt li kien qed jitkellem mal-Membri tal-Kunsil tas-Sigurtà tiegħu Putin qal illi n-nazzjonalisti Ukreni mhumiex iħallu nies jitilqu mill-pajjiż. Qal ukoll li gruppi qed jużaw nies bħala tarka umana. Rapporti iżda qalu li din l-akkuża ma setgħetx tkun ivverfikata. 

Intant ftit ħin wara li tkellem Putin u bħala riżultat ta' diskussjoni bejn ir-Russi u l-Ukreni kien hemm qbil li jinħoloq kuridur li permezz tiegħu persuni li qed jaħarbu jkunu jistgħu jiġu evakwati. 

Mykhailo Podolyak, f'isem il-Gvern Ukren, qal illi minkejja li spiċċat it-tieni laqgħa "l-Ukrajna ma għandhiex ir-riżultati li tixtieq". 

Intant qed ikun irrapportat ukoll li kienet stabbilita linja ta' komunikazzjoni bejn il-Militar Russu u l-Pentagon sabiex ikun evitat eskalazzjoni ta' dan il-kunflitt. 

Dalgħodu kien irrapportat illi forzi Russi rebħu u ħadu f’idhom il-kontroll ta’ belt importanti fin-nofsinhar tal-Ukrajna. Kherson hija l-ewwel belt importanti li r-Russi ħadu f’idhom. Din tinkludi port attiv ħafna.

More in Politika